News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

01/02/2019 17:00:00

Referenza għall-impjegati tal-Bank Ċentrali fil-Media

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jirrifjuta u jikkundanna bil‑qawwa kwalunkwe tentattiv, minn ġewwa u barra l‑Bank, biex jinħolqu qasma politika u kunflitti fost l‑impjegati tal‑Bank.

It‑tentattiv riċenti biex il‑festin annwali tal‑Milied organizzat mill-Klabb Soċjali tal‑Bank jidher bħala attività ta' partit politiku, kompluta b'kant politiku, kien attentat despikabbli biex jissuġġerixxi li l‑Bank Ċentrali hu mmexxi fuq linji politikament partiġjani.

Ġie muri pubblikament li l‑filmat li juri lill‑impjegati tal‑Bank jiżfnu u jkantaw kant politiku kien iffabbrikat, fejn għaqqad xeni minn filmat fuq YouTube tal‑2013 minn diskoteka Spanjola f'Barċellona fi sfond ta' għajjat li nstema' fis‑sala tal‑għadd tal‑voti matul l‑aħħar elezzjoni ġenerali. Dan ammettietu aktar tard, mingħajr apoloġija, il‑persuna li tkellmet dwar il‑filmat li ntwera fuq il‑programm Sorsi Infurmati fuq NET TV.

L‑istess persuna wkoll ippubblikat ritratt ta' żewġ impjegati tal‑Bank jerfgħu impjegat ieħor tal‑Bank fuq l‑istess programm tat‑televiżjoni, bħala prova li tallega li l‑impjegati tal‑Bank kienu qegħdin jiżfnu u jkantaw kant politiku. It‑tliet impjegati kkonċernati ħadu affidavit li fl‑ebda ħin waqt il‑festin annwali tal‑Milied tal‑Bank ma kantaw jew żifnu ma' xi kant politiku.

L‑azzjonijiet murija fir‑ritratt waqt attività soċjali amikevoli u festiva ma jikkostitwixxux ksur tal‑Kodiċi tal‑Etika tal‑Bank, u fl‑assenza ta' evidenza ċara għall‑kuntrarju tad‑dikjarazzjonijiet ta' dawn l‑impjegati, il‑Bank jikkonsidra din il‑kwistjoni magħluqa.

Il‑Bank jiċħad ukoll bil‑qawwa l‑allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni politika li saru mill‑istess persuna kemm fuq il‑programm imsemmi tat‑televiżjoni u kif ukoll f'diversi artikli tiegħu ppubblikati f'il‑Mument.

Il‑Bank jixtieq jassigura lill‑pubbliku li dejjem tittieħed azzjoni xierqa meta jkun hemm evidenza ċara ta' ksur fil‑Kodiċi tiegħu tal‑Etika. 

Lura lejn l-Arkivju