News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2019

18/01/2019

Programm ta’ muniti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall-2019

Fit‑18 ta' Jannar 2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda l‑programm tiegħu ta' muniti numiżmatiċi għal din is‑sena. Il‑programm huwa maħsub għal firxa wiesgħa ta' kollezzjonisti, bi prodotti li jvarjaw minn edizzjoni limitata ta' munita tad‑deheb ta' valur għoli għal muniti kommemorattivi taż‑€2. Il‑programm ta' muniti għall‑2019 jinkludi l‑prodotti li ġejjin:

  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Star Programme bit‑tema 'Rinaxximent'. Dawn il‑muniti ser juru l‑Gran Carracca tal‑Ordni ta' San Ġwann. Dan kien bastiment massiv tal‑gwerra li mhux biss irrappreżenta l-aqwa disinn navali ta' dak iż‑żmien, iżda wassal ukoll għall‑miġja tal‑Ordni ta' San Ġwann f'Malta fl‑1530. Taħt ħafna aspetti, dan l‑avveniment storiku jista' jingħad li ġab lil Malta medjevali f'kuntatt aktar mill‑qrib mar‑Rinaxximent Ewropew. Il‑muniti huma mistennija li joħorġu f'Marzu 2019.
  • Sett ta' muniti tal‑euro datat 2019 li jikkonsisti fit‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni flimkien ma' munita kommemorattiva taż‑€2, li turi t‑Tempji Ta' Ħaġrat li jinsabu l‑Imġarr. Dan is‑sett hu mistenni li joħroġ f'Mejju 2019.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda li tfakkar il‑mitt anniversarju mill‑irvellijiet tas‑Sette Giugno fl‑1919. Dan l‑avveniment, li sewa l‑ħajja ta' mill‑inqas erba' persuni, seħħ fil‑kuntest ta' kriżi ekonomika u soċjali akuta. Huwa meqjus bħala avveniment ewlieni fl‑istorja politika kolonjali ta' Malta. Il‑munita tad‑deheb ser tkun edizzjoni speċjali, bl‑istampar tagħha jkun limitat għal mitt munita biss. Iż‑żewġ muniti huma mistennija li joħorġu f'Ġunju 2019.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑Tempji Ta' Ħaġrat. Din il‑munita ser tkun ir‑raba' minn serje ta' seba' muniti li juru strutturi preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Lulju 2019.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 bit‑tema 'Natura u Ambjent', li turi d‑disinn rebbieħ ta' kompetizzjoni li saret għall‑istudenti tal‑iskejjel sekondarji. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Ottubru 2019.
  • Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar il‑mija u ħamsin sena mill-ftuħ tal‑Kanal ta' Suez. Il‑Kanal kien inawgurat fl‑1869 u poġġa lil Malta fuq ir‑rotta imperjali mill‑Gran Brittanja għall‑Indja u lil hinn. Fiż‑żmien meta l‑vapuri kienu jaħdmu bil‑fwar, Malta saret stazzjon importanti tal‑faħam għall‑vapuri li kienu joperaw lejn u minn Suez. Din il‑munita hi mistennija li toħroġ f'Novembru 2019.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. Verżjoni diġitali tal‑programm ta' muniti tinsab ukoll fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju