News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018

14/12/2018

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2018-2021

L‑aħħar tbassir ekonomiku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta jipprevedi li matul is‑snin li ġejjin, it‑tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika. It‑tbassir għall‑attività ekonomika jibqa' b'mod ġenerali l‑istess meta mqabbel mas‑sett preċedenti ta' tbassir, għaliex filwaqt li l‑konsum privat u l‑investiment ġew riveduti 'l fuq, l‑esportazzjoni netta ġiet riveduta 'l isfel. Matul il‑perjodu tat‑tbassir, it‑tkabbir ser jibqa' f'livelli għoljin, sostnut minn fatturi ta' domanda u provvista. B'mod partikolari, l‑impatt kontinwu tar‑riformi fl‑enerġija, proġetti ġodda ta' investiment u żieda fil‑provvista tal‑ħaddiema huma mistennija li jżommu t‑tkabbir potenzjali f'livell għoli. Id‑domanda domestika, xprunata minn żidiet fil‑konsum u fl‑investiment, hi mistennija li ssir l‑istimolu ewlieni li jsostni l‑espansjoni ekonomika matul il‑perjodu tat‑tbassir. L‑esportazzjoni netta hija mistennija li tipprovdi daqsxejn sapport din is‑sena, iżda l‑kontribut tagħha hu mistenni li jsir negattiv mill‑2019 minħabba żieda fit‑tkabbir fl‑importazzjoni.

Ir‑ritmu tal‑ħolqien tal‑impjiegi hu mistenni li jimmodera, iżda jibqa' pjuttost b'saħħtu. Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 4.0% sal‑2021.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li titla' għal 2.1% sal‑2021, minħabba żieda fil-pagi domestiċi.

Il‑bilanċ tal-finanzi tal‑gvern huwa mistenni li jibqa' pożittiv matul is‑snin li ġejjin. Sadattant, il‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG hu mistenni li jinżel taħt l‑40% sa tmiem il‑perjodu tat‑tbassir.

B'ħarsa 'l quddiem, hu aktar probabbli li t‑tbassir tal‑prodott domestiku gross (PDG) jiġi rivedut 'il fuq fiċ‑ċikli ta' tbassir li ġejjin, minħabba data iktar riċenti dwar il‑PDG li ssorprendiet 'il fuq. Bl‑istess mod, it‑tbassir għall‑inflazzjoni jista' jiġi rivedut 'il fuq jekk it‑tkabbir fil‑pagi jkun aktar mgħaġġel minn dak imbassar fil‑preżent. Fl‑aħħar, huwa aktar probabbli li t‑tbassir li ġej tal‑finanzi pubbliċi juri bilanċi pożittivi ogħla, u l‑proporzjonijiet tad‑dejn fil‑PDG ikunu iktar baxxi, minn dawk li jinsabu f'dan is‑sett ta' tbassir.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn

Lura lejn l-Arkivju