News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2018
07/12/2018
Kors ta’ taħriġ għal bankiera ċentrali mill-Gambja
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, flimkien mal‑Ministeru għall‑Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal‑Kummerċ, illum ikkonkluda programm ta' taħriġ ta' ġimgħa dwar il‑flus u l‑attività bankarja li sar għal disa' bankiera ċentrali mill‑Bank Ċentrali tal‑Gambja. Din l-inizjattiva tirrappreżenta pass ieħor fil-bini ta' sħubija strateġika bejn Malta u l-istati Afrikani.
Il‑lekċers, li saru minn numru ta' impjegati tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, koprew firxa ta' suġġetti relatati mal‑flus u l‑attività bankarja, inklużi s‑sistema finanzjarja, ir‑rati tal‑imgħax, l‑operazzjonijiet tal‑politika monetarja, u l‑għodod u t‑trażmissjoni tal‑politika monetarja. Lekċers oħrajn koprew l‑istatistika dwar il‑bilanċ tal‑pagamenti u t‑tbassir ekonomiku.
Il‑lekċers saru f'Binja Laparelli, ġewwa l‑Belt Valletta.
Fi tmiem il‑kors, il‑Gvernatur tal‑Bank Dr Mario Vella ppreżenta ċertifikati lill‑parteċipanti.
Din l‑inizjattiva tifforma parti wkoll minn pjan usa' tal‑Unjoni Ewropea sabiex tgħin lill‑Gambja fl‑iżvilupp ekonomiku tagħha billi tibni kapaċità analitika u ta' tfassil tal‑politika, inkluż fil‑qasam tal‑attività tal‑banek ċentrali.


Lura lejn l-Arkivju