News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

05/12/2018

Pubblikazzjoni tar-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika r‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2018, li jkopri l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja fl‑ewwel nofs tal‑2018. Ir‑Rapport jevalwa r‑riskji ewlenin li jistgħu jaffettwaw l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja, bil‑għan li tkun antiċipata kull żieda potenzjali fir‑riskji sistemiċi. Ir‑Rapport jaċċenna dwar żviluppi riċenti fir‑regoli bankarji domestiċi u internazzjonali, flimkien ma' silta dwar ir‑Rekwiżiti Regolatorji Minimi għal Fondi Proprji u Obbligazzjonijiet Eliġibbli (MREL). L‑analiżi tkopri s‑settur bankarju, is‑setturi li huma relevanti fil‑kuntest domestiku tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment, u tinkludi wkoll numru ta' testijiet tal‑istress.

Minkejja l‑pressjoni diretta li ġejja minn xejriet internazzjonali, iddominata minn inċertezzi ġeopolitiċi, is‑sistema finanzjarja domestika baqgħet reżiljenti u sostnuta minn ekonomija li baqgħet b'saħħitha. Il‑core domestic banks komplew isaħħu l‑bafers tagħhom tal‑kapital tas‑CET1 u baqgħu joperaw b'likwidità għolja. Minkejja x‑xenarju ta' rata baxxa tal‑imgħax, il‑profittabbiltà baqgħet ġeneralment b'saħħitha u konformi ma' dik ta' banek simili Ewropej. Għall‑ewwel darba mill‑2014, kien hemm żieda fis‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji residenti f'Malta, filwaqt li t‑tkabbir fis‑self għal xiri ta' proprjetà residenzjali batta xi ftit.

F'dan l‑isfond, ir‑riskju ta' kreditu stabbilizza bil‑proporzjon totali tas‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans, NPLs) tal‑core domestic banks ikun ftit iktar minn 4%. Żieda marġinali fl‑NPLs mhux residenti f'Malta, li parzjalment tirrifletti l‑introduzzjoni tal‑IFRS9 ‑ Financial Instruments, ġiet ikkumpensata bi tnaqqis fl‑NPLs ta' residenti f'Malta. Dawn tal‑aħħar naqsu xi ftit minħabba tnaqqis fl‑NPLs ta' kumpaniji residenti f'Malta fis‑settur tal‑kostruzzjoni u l‑proprjetà, settur tradizzjonalment ikkaratterizzat minn livelli għoljin ta' self li ilhom għal xi żmien klassifikati bħala NPLs. Barra dan, il‑provvedimenti u l‑garanziji totali li jsostnu s‑self huma aktar minn biżżejjed biex ikopru l‑NPLs.

L‑attivitajiet finanzjarji tan‑non‑core domestic banks u tal‑international banks baqgħu b'saħħithom, riżultat ta' bafers tal‑kapital u livelli ta' likwidità b'saħħithom. Ir‑rabtiet tagħhom mal‑ekonomija domestika baqgħu dgħajfin minkejja xi żieda żgħira. Dan minħabba li l‑attivitajiet tagħhom kienu primarjament iffukati fuq persuni li mhumiex residenti f'Malta u għaldaqstant l‑implikazzjonijiet sistemiċi potenzjali baqgħu limitati. Il‑kumpaniji lokali tal‑assigurazzjoni rrappurtaw attività ta' sottoskrizzjoni b'saħħitha, filwaqt li l‑fondi ta' investiment iffukati fuq is‑suq lokali komplew jadottaw strateġiji konservattivi ta' investiment. L‑analiżi turi li l‑implikazzjonijiet sistemiċi min‑non‑core domestic banks, mill‑banek internazzjonali, u mis‑setturi tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment baqgħu mrażżnin.

Sa mill‑pubblikazzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2017, ir‑riskji għas‑sistema finanzjarja domestika prattikament baqgħu ma nbidlux. Il‑miżuri makroprudenzjali ma nbidlux, bil‑Bank iżomm ir‑rata tal‑bafer kontroċikliku fil‑livell ta' 0% u ma' biddilx il‑policy tiegħu fir‑rigward tal‑miżuri ta' reċiproċità. Barra dan, l‑awtoritajiet ma wettqu l‑ebda tibdil matul is‑sena rigward il‑livelli tal‑bafers ta' istituzzjonijiet oħra sistemikament importanti (O‑SII) applikabbli għall‑banek identifikati bħala O‑SII. Madankollu, il‑Bank jibqa' viġilanti għal kwalunkwe xejriet u sfidi ġodda għas‑sistema finanzjarja Maltija li jistgħu jdgħajfu l‑istabbiltà finanzjarja. B'mod ġenerali, ir‑riskji għall‑istabbiltà finanzjarja baqgħu baxxi u b'riżultat ta' dan is‑sistema bankarja baqgħet b'saħħitha u reżiljenti, bi prospetti pożittivi għat‑tieni nofs tas‑sena.

Ir‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2018 jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju