News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

10/08/2018 15:00:00

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2018-2020

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jipprevedi li matul it‑tliet snin li ġejjin, it‑tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm f'livelli iktar baxxi iżda iktar sostenibbli milli fl‑2017. Meta mqabbel mas‑sett preċedenti ta' tbassir, dak riċenti jirrappreżenta reviżjoni 'l isfel fit‑tkabbir fl‑attività fl‑2018 u fl‑2019 minħabba riżultati iktar baxxi milli previst fl‑ewwel kwart tal‑2018. Madankollu t‑tkabbir ser jibqa' f'livelli għoljin, sostnut minn fatturi ta' domanda u provvista. B'mod partikolari, l‑impatt kontinwu tar‑riformi fl‑enerġija, proġetti ġodda ta' investiment u żieda fil‑provvista tal‑ħaddiema huma mistennija li jżommu t‑tkabbir potenzjali f'livell għoli. Id‑domanda domestika, xprunata minn żidiet fil‑konsum u fl‑investiment, hi mistennija li tkun l‑istimolu ewlieni li jsostni l‑espansjoni ekonomika matul it‑tliet snin li ġejjin.

Minħabba tkabbir ekonomiku mgħaġġel, is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad tibqa' baxxa, fil‑livell ta' 4.3% mill‑2019.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li titla' għal 1.9% sal‑2020, dovut għal żidiet fil‑pagi domestiċi.

Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, it‑tbassir għall‑bilanċ tal‑gvern ġenerali baqa' l‑istess, hekk kif reviżjoni 'l isfel fid‑dħul mit‑taxxi u minn dħul ieħor relatat ma' għoti ta' servizzi kienet iżgħar minn reviżjoni 'l isfel fl‑investiment tal‑gvern u l‑konsum intermedju. Il‑finanzi tal‑gvern huma mistennija li jibqgħu f'bilanċ pożittiv matul is‑snin li ġejjin. Sadattant, il‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG hu mistenni li jinżel għal madwar 40% sa tmiem il‑perjodu tat‑tbassir.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawnhekk.

Lura lejn l-Arkivju