News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

10/08/2018

Pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika l‑għaxar edizzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja, u jkopri l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja Maltija matul l‑2017. Ir‑Rapport jevalwa r‑riskji ewlenin li jistgħu potenzjalment idgħajfu s‑sistema finanzjarja u miżuri proposti jew implimentati bl‑għan li tissaħħaħ ir‑reżiljenza tas‑sistema. Din l‑evalwazzjoni hija supplimentata wkoll b'numru ta' testijiet tal‑istress li jevalwaw avvenimenti estremi iżda plawżibbli. L‑analiżi tiffoka fuq is‑settur bankarju Malti li hu mqassam f'core domestic banks, non‑core domestic banks u banek internazzjonali, kif ukoll fondi ta' assigurazzjoni u investiment iffukati fuq is‑suq lokali. Ir‑Rapport jinkludi numru ta' siltiet dwar inizjattivi tal‑UE li jindirizzaw is‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans, NPLs); analiżi tas‑suq ta' bonds maħruġa minn kumpaniji f'Malta; żviluppi fis‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji, kif ukoll silta li tagħti dettalji dwar ir‑riżultati tal‑istħarriġ dwar is‑self tal‑banek (Bank Lending Survey).

L‑andament b'saħħtu tal‑ekonomija Maltija kompla jsaħħaħ is‑solidità u r‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja domestika. F'dan l‑isfond, il‑core domestic banks żammew profitti b'saħħithom minkejja sfidi li jirriżultaw minn xenarju aktar fit‑tul ta' rata baxxa tal‑imgħax, tkabbir imrażżan fis‑self, u tibdil fir‑rekwiżiti regolatorji. Il‑qligħ tagħhom fuq l‑assi u l‑ishma kien ta' 9.3% u 0.68% rispettivament, ħafna aħjar minn dak ta' banek simili Ewropej.

It‑tkabbir ekonomiku b'saħħtu wassal biex ir‑riskju ta' kreditu kompla jonqos u dan ġie rifless f'titjib fil‑kwalità tas‑self u kif ukoll f'titjib fil‑kwalità ta' min jissellef. Il‑banek komplew isaħħu l‑balance sheets tagħhom u dan ikkontribwixxa wkoll għal tnaqqis fil‑livell tal‑NPLs. Il‑proporzjon tal‑NPL għall‑core domestic banks kompla jinżel għal 4.1%, xprunat l‑aktar mit‑titjib fis‑self lill‑kumpaniji. Ir‑reviżjoni tar‑Regola Bankarja 09/2016 tal‑MFSA, li daħlet fis‑seħħ f'Jannar 2017, hi mistennija li tkompli tnaqqas iktar il‑livell tal‑NPLs.

Il‑core domestic banks komplew isaħħu l‑livelli tagħhom tal‑kapital bil‑Capital Adequacy Ratio u t‑Tier 1 Capital Ratio jkunu 16.8% u 14.7% rispettivament, livelli li jilħqu l‑minimu mitlub mir‑regoli bankarji u żidiet kapitali oħrajn, fejn applikabbli. Huma komplew ukoll joperaw b'buffers għoljin ta' likwidità kif muri fil‑proporzjon tal‑kopertura tal‑likwidità (LCR) ta' madwar 184%, 'il fuq sew mir‑regoli mitluba meta dawn jidħlu fis‑seħħ.

Ir‑rabtiet tan‑non‑core domestic banks u l‑banek internazzjonali mal‑ekonomija domestika baqgħu limitati, li fisser li l‑potenzjal għal implikazzjonijiet sistemiċi baqa' limitat. Il‑mudell tagħhom ta' negozju hu fil‑biċċa l‑kbira ddiversifikat u jvarja minn negozju fis‑swieq wholesale għal servizzi ta' speċjalizzazzjoni offruti lil klijenti retail; li jirrifletti l‑varjetà fil‑kompożizzjoni tal‑assi u s‑sorsi tal‑finanzjament tagħhom. Il‑banek fi ħdan dawn iż‑żewġ kategoriji żammew buffers għoljin tal‑kapital li qabżu l‑minimi regolatorji u operaw b'likwidità abbundanti, li jnaqqsu kull riskju speċifiku.

Bl‑istess mod, ir‑riskji minn kumpaniji lokali tal‑assigurazzjoni ġew ivvalutati li baqgħu baxxi. Minkejja l‑isfidi mill‑introduzzjoni tal‑qafas ibbażat fuq ir‑riskji tas‑Solvency II, il‑kumpaniji lokali tal‑assigurazzjoni komplew joperaw b'bażi b'saħħitha ta' kapital mingħajr il‑bżonn li jsir tibdil fl‑istrateġiji tagħhom ta' investiment. Barra dan, dawn il‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni rrappurtaw titjib konsiderevoli fil‑livelli tagħhom ta' profittabbiltà minħabba negozju aħjar ta' sottoskrizzjoni. Sadattant, il‑fondi domestiċi ta' investiment baqgħu prudenti, bil‑biċċa l‑kbira tal‑portafoll tal‑investiment tagħhom investit f'bonds. Ir‑riskji li jirriżultaw minn dan is‑settur huma meqjusa baxxi.

Sa mill‑pubblikazzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għas‑sena 2016, il‑livell ta' riskju naqas aktar minħabba żviluppi ekonomiċi li baqgħu pożittivi. Is‑sistema finanzjarja domestika baqgħet b'saħħitha u reżiljenti għal għadd ta' sfidi esterni bħar‑reviżjoni fil‑prezzijiet tal‑assi u t‑tħassib rigward is‑sostenibbiltà tad‑dejn f'diversi pajjiżi Ewropej, fost inċertezzi ġeopolitiċi oħra. Lokalment, l‑implikazzjonijiet negattivi li jistgħu jirriżultaw fuq is‑sistema finanzjarja Maltija minħabba l‑possibbiltà ta' 'hard Brexit' huma meqjusa limitati. It‑tħassib rigward is‑sostenibbiltà tad‑dejn naqas għall‑kumpaniji domestiċi u l‑individwi, bil‑ġid ta' dawn tal‑aħħar ikompli jiżdied wara kundizzjonijiet favorevoli fis‑suq tax‑xogħol. Tkabbir kajman fis‑self, partikolarment lil kumpaniji mhux finanzjarji, kompla jaffettwa l‑profittabbiltà tal‑banek. Madankollu l‑banek għandhom ikomplu jibqgħu prudenti fl‑imġiba tagħhom tas‑self, isaħħu aktar il‑buffers tagħhom tal‑kapital, irażżnu l‑ispejjeż, filwaqt li jkomplu jeżerċitaw l‑isforzi tagħhom biex jindirizzaw l‑istokk ta' self li ilu għal ħafna żmien klassifikat bħala wieħed fejn il‑ħlas qiegħed b'lura.

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju