News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

15/06/2018

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2018-2020

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jipprevedi li matul it‑tliet snin li ġejjin, it‑tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm ftit iktar baxx mill‑2017. Meta mqabbel mas‑sett preċedenti ta' tbassir, dak riċenti jirrappreżenta reviżjoni 'l isfel fit‑tkabbir fl‑attività fl‑2018, minħabba tkabbir aktar baxx milli previst fl‑2017. B'kuntrast għal dan, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) fl‑2019 u fl‑2020 ġie rivedut 'il fuq, hekk kif xi proġetti kbar ta' investiment huma mistennija jittardjaw għal dawn is‑snin. L‑espansjoni ekonomika fis‑snin li ġejjin ser tiġi sostnuta minn fatturi ta' domanda u provvista. B'mod partikolari, l‑impatt kontinwu tar‑riformi fl‑enerġija, proġetti ġodda ta' investiment u żieda fil‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol ser isostnu t-tkabbir potenzjali. Barra minn hekk, id‑domanda domestika ser tkun l‑istimolu ewlieni li jsostni l-espansjoni ekonomika matul it‑tliet snin li ġejjin.

Minħabba tkabbir ekonomiku mgħaġġel, is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad mistennija tibqa' taħt l‑4.0% sal‑2020. Ir‑rata tal‑qgħad ġiet riveduta 'l isfel matul il‑perjodu kollu tat‑tbassir hekk kif statistika ġdida tkompli tindika livelli aktar baxxi ta' qgħad milli kien previst qabel.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li titla' għal 1.9% sal‑2020, dovut għal żidiet fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni domestika.

F'termini ta' finanzi pubbliċi, it‑tbassir għall‑bilanċ tal‑gvern ġenerali ġie rivedut 'il fuq, parzjalment minħabba riżultat aħjar milli mistenni fl‑2017. Il‑finanzi tal‑gvern huma mistennija li jibqgħu juru bilanċ pożittiv matul is‑snin li ġejjin. Sadattant, il‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG hu mistenni li jinżel għal madwar 40% sa tmiem il‑perjodu tat‑tbassir.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn

Lura lejn l-Arkivju