News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

22/05/2018

Ħruġ ta’ munita tal-fidda u bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda li jfakkru l-Belt Valletta, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018

Fit‑22 ta' Mejju 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MaltaPost ser joħorġu prodott numiżmatiku konġunt li jikkonsisti f'munita tal‑fidda u replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda sabiex ifakkru l‑Belt Valletta bħala l‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura għall‑2018.

Il‑programm tal‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura huwa inizjattiva tal‑Unjoni Ewropea li tfittex li taċċenna r‑rikkezza u d‑diversità tal‑kulturi Ewropej u tippromwovi sens ta' identità komuni bejn iċ‑ċittadini Ewropej. Minbarra l‑prestiġju, dan it‑titlu hu opportunità eċċellenti sabiex l‑ibliet jiġu riġenerati, jgħollu l‑profil internazzjonali tagħhom filwaqt li, permezz tal-kultura, jissebbħu għall‑abitanti tagħhom u jippromwovu t‑turiżmu. Belt Kapitali Ewropea tal‑Kultura żżomm it‑titlu għal sena. Il‑Belt Valletta, il‑belt kapitali ta' Malta, qiegħda taqsam it‑titlu tal‑2018 mal‑belt Olandiża Leeuwarden‑Friesland.

Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint, turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2018 fuq in‑naħa ta' quddiem. Fuq in‑naħa ta' wara tal‑munita tidher personifikazzjoni tal‑Belt Valletta, belt iffortifikata, irrappreżentata bħala mara liebsa l‑korazza.

Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda u l‑munita ser ikunu ppakkjati bħala sett f'kaxxa attraenti.

Il‑munita, li tista' wkoll tinxtara waħedha, għandha valur nominali ta' €10. Hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetri. Il‑munita hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,000 munita. Il‑munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason.

Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda ġiet ukoll prodotta għall‑MaltaPost mir‑Royal Dutch Mint u turi waħda mill‑bolol postali ta' €0.26 maħruġa għall‑okkażjoni tal‑Belt Valletta bħala l‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura għall‑2018.

Dan il‑prodott konġunt ser ikun f'kaxxa attraenti u huwa limitat għal 500 sett. Is‑settijiet u l‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre (MCC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta, jew mill‑e‑shop tal‑MCC stess. Il‑prezz tas‑sett huwa €105, filwaqt li l‑prezz tal‑munita waħedha huwa €60. Iż‑żewġ prezzijiet jinkludu l‑VAT.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

      Ħruġ ta’ munita tal-fidda u bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda li jfakkru l-Belt Valletta, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018                   Ħruġ ta’ munita tal-fidda u bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda li jfakkru l-Belt Valletta, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018

Lura lejn l-Arkivju