News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

09/05/2018

Ħruġ ta’ Munita li Tfakkar l-Għaxar Snin tal-Euro f’Malta

Fid-9 ta' Mejju 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita numiżmatika sabiex ifakkar l-għaxar snin minn meta Malta adottat l-euro.

Il-munita, li se tkun maħduma f'kuprunikil, għandha valur nominali ta' €5 u hi valuta legali f'Malta biss. Il-munita tiżen 15.50 grammi u għandha dijametru ta' 33 millimetru. L-istampar tagħha hu limitat għal 2,000 munita. Il-muniti huma ta' kwalità Brilliant Uncirculated (BU) u ġew iddisinjati u maħduma fir-Royal Dutch Mint.

In‑naħa ta' wara tal‑muniti turi rappreżentazzjoni stilizzata ta' 'Malta' u 'Europa' li tissimbolizza t-transizzjoni tal-munita ta' Malta mil-Lira Maltija għall-euro fl-2008. In‑naħa ta' quddiem tal‑muniti turi l‑istemma araldika ta' Malta.

Meta Malta saret stat membru tal-UE fl-1 ta' Mejju 2004, il-pajjiż kellu l-impenn li jingħaqad mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u jadotta l-munita unika Ewropea. Sabiex tkun tista' tagħmel dan, Malta kellha tissodisfa numru ta' kundizzjonijiet dwar l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi, prezzijiet, rati tal-imgħax u r-rata tal-kambju. Malta adottat l-euro fl-1 ta' Jannar 2008.

Il-muniti ser jinbiegħu għall-prezz ta' €20 u jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Ħruġ ta’ Munita li Tfakkar l-Għaxar Snin tal-Euro f’Malta            Ħruġ ta’ Munita li Tfakkar l-Għaxar Snin tal-Euro f’Malta

Lura lejn l-Arkivju