News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

17/04/2018

Muniti li jfakkru l-ħamsin anniversarju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Fis‑17 ta' April 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jiċċelebra l‑ħamsin anniversarju tiegħu. Sabiex ifakkar dan l‑avveniment importanti, il‑Bank ser joħroġ muniti numiżmatiċi tad‑deheb u l‑fidda.

Il‑muniti tad‑deheb għandhom valur nominali ta' €100, filwaqt li l‑muniti tal‑fidda għandhom valur nominali ta' €10. Dawn il‑muniti huma valuta legali f'Malta biss. Il‑munita tal‑€10, li l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita, hi maħduma f'0.925 fidda. Il‑munita tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru. Il‑munita tal‑€100 hi maħduma f'0.999 deheb, tiżen 15‑il gramma u għandha dijametru ta' 26 millimetru. L‑istampar hu limitat għal 50 munita biss.

Il‑muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof. Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. Fuq in‑naħa ta' wara tal‑munita hemm rappreżentazzjoni tal‑faċċata ta' Binja Laparelli, il‑binja l‑ġdida tal‑Bank li tinsab f'St James's Counterguard ġewwa l‑Belt Valletta. Il‑muniti juru wkoll il‑logo tal‑ħamsin anniversarju ddisinjat minn Michael Grech u Daniel Galea mill‑MCAST Arts and Design Institute. Partijiet mill‑munita tal‑fidda ġew miksija bid-deheb. Din hi l‑ewwel darba li teknika bħal din ġiet użata fuq muniti numiżmatiċi Maltin.

In‑naħa ta' quddiem tal‑muniti turi l‑istemma araldika ta' Malta flimkien mad‑denominazzjoni tal‑muniti.

It‑twaqqif ta' bank ċentrali għal Malta kien wieħed mir‑rakkomandazzjonijiet li saru mill‑grupp ta' esperti tan‑Nazzjonijiet Uniti f'Jannar 1964. Ftit tax‑xhur wara, fil‑21 ta' Settembru 1964, Malta kisbet l‑indipendenza mill‑Gran Brittanja. Fl‑1967, abbozz ta' leġiżlazzjoni għat‑twaqqif tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta tmexxa mill‑parlament u għadda f'Novembru tal‑istess sena. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ġie stabbilit formalment fis‑17 ta' April 1968 bid‑dħul fis‑seħħ tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Il‑muniti tal‑fidda li ser jinħarġu fis‑17 ta' April jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC) jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank. Il‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60. Il‑muniti tad‑deheb ġew allokati permezz ta' tlugħ bil‑polza minn nutar pubbliku kif imħabbar fuq is‑sit elettroniku u l‑media soċjali tal‑MCC matul Frar 2018.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Munita tal-fidda li tfakkar il-ħamsin anniversarju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta        Munita tad-deheb li tfakkar il-ħamsin anniversarju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Lura lejn l-Arkivju