News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

10/04/2018

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2017. Ir‑Rapport jagħti ħarsa lejn il‑politika u l‑operat tal‑Bank matul is‑sena u jinkludi rapporti finanzjarji dettaljati. L‑istqarrija tal‑Gvernatur hi segwita minn analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha, u kif ukoll analiżi dwar l‑operat tal‑Bank. Ir‑Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament f'Malta, l‑implikazzjonijiet ta' reviżjonijiet riċenti fit‑tbassir tal‑popolazzjoni għat‑tkabbir potenzjali tal‑ekonomija u s‑sostenibbiltà tad‑dejn pubbliku.

L‑ekonomija Maltija kompliet tirreġistra tkabbir b'saħħtu ħafna matul l‑2017, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla' b'6.6%. L‑attività ekonomika kienet xprunata l‑aktar mill‑esportazzjoni netta, filwaqt li l‑kontribut tad‑domanda domestika, għalkemm pożittiv, kien iżgħar. Data settorjali turi li l‑attività fis‑servizzi baqgħet l‑istimolu ewlieni tat‑tkabbir ekonomiku, għalkemm is‑setturi tal‑manifattura u l‑kostruzzjoni kibru wkoll.

Ir‑ritmu tat‑tkabbir fil‑PDG f'Malta kien kważi tliet darbiet aktar minn dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro. L‑aħħar tbassir tal‑Bank jissuġġerixxi li t‑tkabbir ekonomiku hu mistenni li jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm iktar baxx mill‑2017. It‑tkabbir hu stmat li jilħaq il‑medja ta' 5% matul il‑perjodu 2018‑2020.

Fl‑isfond ta' ekonomija b'saħħitha, l‑impjiegi żdiedu aktar u r‑rata tal‑qgħad niżlet għall‑iżjed livell baxx storikament. Id‑data tal‑Labour Force Survey (LFS) turi li l‑impjiegi żdiedu b'rata annwali medja ta' 2.8% fl‑ewwel disa' xhur tal‑2017. Din iż‑żieda ġiet xprunata minn żieda fl‑impjiegi full‑time, li żdiedu b'5,680 persuna. Il‑ħaddiema żdiedu bi 2.0%, primarjament minħabba żieda fir‑rati tal‑parteċipazzjoni tan‑nisa. Ir‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos, bir‑rata tal‑qgħad aġġustata skont l‑istaġun tkun f'medja ta' 4.0% fl‑2017. Id‑data bbażata fuq reġistri amministrattivi turi wkoll żviluppi favorevoli fis‑suq tax‑xogħol, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati naqas b'1,073 għal medja ta' 2,501 fl‑2017.

Ir‑rata annwali medja tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) żdiedet għal 1.3% fl‑2017, minn 0.9% fl‑2016. Għalkemm l‑inflazzjoni rpiljat, baqgħet imrażżna minn perspettiva storika. Il‑prezzijiet tal‑enerġija kienu l‑istimolu ewlieni wara ż‑żieda fl‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP. L‑inflazzjoni f'Malta kienet marġinalment inqas mir‑rata tal‑inflazzjoni ta' 1.5% rreġistrata fiż‑żona tal‑euro. Skont it‑tbassir tal‑Bank, ir‑rata tal‑inflazzjoni HICP f'Malta hi mistennija li tirpilja gradwalment sabiex tilħaq 1.6% fl‑2018 u 1.8% fl‑2019, qabel ma tkompli tielgħa għal 2.0% sal‑2020.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi monetarji u finanzjarji, ir‑Rapport jinnota li d‑depożiti tar‑residenti f'Malta komplew jiżdiedu għalkemm ir‑rata tat‑tkabbir battiet meta mqabbla mal‑2016. Iċ‑ċaqliq minn depożiti fuq żmien itwal għal depożiti overnight ippersista, f'xenarju ta' rati baxxi tal‑imgħax u tkabbir ekonomiku b'saħħtu. It‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti f'Malta batta fl‑2017, xprunat minn tkabbir iktar dgħajjef fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali. It‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti oħra kompla jikber, sostnut mis‑self għal xiri ta' proprjetà residenzjali. Sadattant, ir‑rati tal‑imgħax fuq depożiti u self lil residenti f'Malta komplew jonqsu. Min‑naħa l‑oħra żdiedu l‑yields fuq bills tat‑Teżor u bonds tal‑gvern.

Fl‑ewwel tliet trimestri tal‑2017, il‑bilanċ pożittiv tal‑gvern ġenerali żdied meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2016, xprunat kważi esklussivament minn żieda fid‑dħul kurrenti. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑proporzjon tal‑bilanċ tal‑gvern ġenerali għall‑PDG irreġistra bilanċ pożittiv ta' 3.2%, żieda minn 1.1% fl‑2016. Sadattant, is-sehem tad‑dejn tal‑gvern fil‑PDG naqas għal 53.4% minn 56.2% fl‑2016. It‑tnaqqis fil‑proporzjon tad‑dejn kien sostnut l‑aktar mill‑bilanċ primarju pożittiv. It‑tkabbir ekonomiku b'saħħtu wkoll għen biex id‑dejn jonqos, hekk kif ir‑rata tat‑tkabbir fil‑PDG qabżet ir‑rata effettiva tal‑imgħax.

Matul l‑2017, il‑Bank kompla jimplimenta l‑orjentament tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema f'Malta, permezz tal‑faċilitajiet permanenti, operazzjonijiet regolari għall‑provvediment ta' likwidità u l‑Programm ta' Xiri mingħand is‑Settur Pubbliku (PSPP). Fil‑kuntest ta' żieda fil‑likwidità, l‑istituzzjonijiet ta' kreditu Maltin żiedu l‑livell ta' fondi eċċessivi mqiegħda f'faċilitajiet overnight mal‑Bank. Likwidità għolja wasslet għal parteċipazzjoni limitata fl‑operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal‑Eurosistema. Permezz tal‑PSPP, il‑Bank xtara €245.7 miljun f'bonds tal‑gvern Malti, u ġab ix‑xiri totali qabel l‑amortizzament sa mill‑bidu tal‑programm għal €948.1 miljun sal‑aħħar tal‑2017.

L‑assi totali tal‑Bank laħqu €8.6 biljun fl‑aħħar tal‑2017, żieda minn €5.5 biljun sena qabel. Id‑dħul nett mill‑imgħax żdied, xprunat miż‑żieda sostanzjali fl‑użu tal‑faċilità ta' depożitu, li għandha rata negattiva tal‑imgħax konformi mal‑politika tal‑Bank Ċentrali Ewropew. Madankollu l‑qligħ mill‑operat qabel trasferimenti għal riżervi naqas għal €51.6 miljun minn €76.4 miljun fl‑2016, l‑aktar minħabba qligħ kapitali eċċezzjonali fuq l‑operazzjonijiet finanzjarji tal‑Bank li kien ġie rrealizzat lejn l‑aħħar tal‑2016. Il‑Bank żied €16.6 miljun mal‑provvedimenti tiegħu, u dan ħalla ammont ta' €35 miljun pagabbli lill‑Gvern ta' Malta.

Fir‑rigward tal‑istabbiltà finanzjarja, il‑Bank kompla jissorvelja s‑solidità u r‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja, u pparteċipa b'mod attiv fil‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Il‑Bank irfina wkoll il‑qafas li juża biex janalizza vulnerabbiltajiet li jinqalgħu fis‑suq tal‑proprjetà, u żviluppa stress test ġdid sabiex jivvaluta s‑sensittività tad‑dħul nett mill‑imgħax tal‑banek. Dan sar taħt xenarji ta' rati alternattivi tal‑imgħax preskritti mill‑Kumitat ta' Basel għas‑Superviżjoni Bankarja. Sadattant il‑Bank sostna x‑xogħol tal‑Presidenza Maltija tal‑Unjoni Ewropea, permezz ta' sħubija f'żewġ gruppi tax‑xogħol li kienu jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas‑servizzi finanzjarji. Il‑Bank beda wkoll tħejjijiet għal assessment taħt il‑Financial Sector Assessment Program (FSAP) tal‑Fond Monetarju Internazzjonali, li huwa skedat għall‑2018.

Il‑Bank kompla jiltaqa' ma' kumpaniji tan‑negozju u istituzzjonijiet mis‑settur pubbliku f'Malta, sabiex jikseb kejl aħjar tal‑kundizzjonijiet u prospetti ekonomiċi. Fl‑2017, il‑Bank beda jippubblika wkoll indiċi rigward il‑kundizzjonijiet tan‑negozju kull xahar, filwaqt li żdiedet l‑informazzjoni ppubblikata dwar it‑tbassir ekonomiku tiegħu, u s‑sejbiet tar‑riċerka tiegħu ġew imxerrda b'mod aktar wiesa'. Il‑Bank kompla jiltaqa' ma' korpi kostitwiti u akkademiċi sabiex jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika ekonomika ta' interess reċiproku.

Il‑Bank waqqaf ukoll Social Research Unit sabiex ikun jista' jidħol aktar fil‑fond fir‑riċerka ekonomika tiegħu b'investigazzjoni xjentifika tad‑dimensjoni soċjali ta' kwistjonijiet fi ħdan il‑kompetenza tiegħu.

Sadattant, ġie inawgurat bini ġdid b'faċilitajiet għal‑laqgħat u l‑konferenzi kif ukoll spazju addizzjonali għall‑uffiċċji, data centre, librerija ġdida u faċilitajiet moderni ta' arkivjar. Fl‑2017, il‑Bank tejjeb ukoll l‑infrastruttura fi ħdan il‑faċilitajiet tiegħu ta' eżaminazzjoni tal‑karti tal‑flus u diversi sistemi użati f'operazzjonijiet relatati mas‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali. Barra minn hekk, is‑sit elettroniku tal‑Bank ġie aġġornat b'kapaċitajiet estensivi ta' tiftix.

Ir‑Rapport Annwali għall‑2017 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2017

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2017

Lura lejn l-Arkivju