News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

20/03/2018

Muniti li jfakkru l-iskultura ‘Il-Magħmudija ta’ Kristu’ ta’ Giuseppe Mazzuoli

Fl‑20 ta' Marzu 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ muniti numiżmatiċi tad‑deheb u l‑fidda li juru 'Il‑Magħmudija ta' Kristu', grupp ta' statwi maħduma minn Giuseppe Mazzuoli (1644‑1725). Il‑muniti nħarġu taħt l‑Europa Programme bit‑tema "Barokk u Rokokò" u għandhom il‑marka tal‑logo Europa Star.

Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €50, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Dawn il‑muniti huma valuta legali f'Malta biss. Il‑munita tal‑€10, li l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita, hi maħduma f'0.925 fidda. Il‑munita tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru. Il‑munita tal‑€50 hi maħduma f'0.916 deheb, tiżen 6.5 grammi u għandha dijametru ta' 21 millimetru. L‑istampar hu limitat għal 500 munita.

Il‑muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof. Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. In‑naħa ta' wara tal‑muniti turi 'Il‑Magħmudija ta' Kristu', skultura monumentali tal‑irħam abjad maħduma f'Ruma minn Giuseppe Mazzuoli u li tpoġġiet fl‑apsidi tal‑Kon‑Katidral ta' San Ġwann, ġewwa l-Belt Valletta, fl‑1703.

In‑naħa ta' quddiem tal‑munita turi l‑istemma araldika ta' Malta u l‑logo tal‑Europa Star. Il‑muniti ta' din is‑sena ser ikunu parti minn serje ta' ħames snin iddedikati lil perjodi differenti ta' forom ta' arti u storja Ewropea li nġabru fi gruppi ġeneriċi bħala: is‑Seklu għoxrin modern (2016), Żmien il‑Ħadid u l‑Ħġieġ (2017), Barokk u Rokokò (2018), Rinaxximent (2019) u Gotiku (2020).

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank. Il‑munita tad‑deheb ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €340, filwaqt li l‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Muniti li jfakkru l-iskultura ‘Il-Magħmudija ta’ Kristu’ ta’ Giuseppe Mazzuoli       Muniti li jfakkru l-iskultura ‘Il-Magħmudija ta’ Kristu’ ta’ Giuseppe Mazzuoli

Lura lejn l-Arkivju