News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

02/02/2018

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2017-2020

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jipprevedi li matul it‑tliet snin li ġejjin, it‑tkabbir ekonomiku mistenni jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm ftit aktar baxx mill‑2017. Meta mqabbel mas‑sett preċedenti ta' tbassir, dak riċenti jirrappreżenta reviżjoni 'l fuq fit‑tkabbir fl‑attività, minħabba esportazzjoni netta aktar b'saħħitha. L‑espansjoni ekonomika fis‑snin li ġejjin ser tiġi sostnuta minn fatturi ta' domanda u provvista. B'mod partikolari, l‑impatt kontinwu tar‑riformi fl‑enerġija, proġetti ġodda ta' investiment, żieda fil‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol u esportazzjoni qawwija ta' servizzi huma l‑istimoli ewlenin li ser isostnu t‑tkabbir ekonomiku.

Minħabba tkabbir ekonomiku mgħaġġel, is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad mistennija tilħaq l‑4.2% fl‑2020. Għalhekk, f'konformità mar‑reviżjoni 'l fuq fl‑attività ekonomika, ir‑rata tal‑qgħad ġiet riveduta 'l isfel matul il‑perjodu kollu tat‑tbassir.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) hi mistennija li titla' għal 2.0% sal‑2020, dovut għal żidiet fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni domestika.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' finanzi pubbliċi, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali hu mistenni li jibqa' pożittiv, filwaqt li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑prodott domestiku gross hu mistenni li jinżel taħt il‑45% sa tmiem il‑perjodu tat‑tbassir.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju