News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

29/01/2018

L-aħħar ċans biex issarraf il-karti tal-flus Maltin tal-Ħames Serje

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq jerġa' javża lill-pubbliku li f'termini ta' Artiklu 62(1) tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204), il-karti tal-flus tal-Ħames Serje, li ma baqgħux valuta legali wara l-31 ta' Jannar 2008 wara li Malta adottat l-euro, mhux ser jibqgħu jissarrfu wara n-12:30 tal-Erbgħa 31 ta' Jannar 2018.

Il‑karti tal‑flus tal‑Ħames Serje jikkonsistu f'erba' denominazzjonijiet: Lm2, Lm5, Lm10 u Lm20. Dawn il‑karti tal‑flus ħarġu l‑ewwel darba fiċ‑ċirkolazzjoni fit‑18 ta' Settembru 1989. L-erba' karti tal-flus huma ta' lewn aħmar (Lm2), ikħal (Lm5), aħdar (Lm10) u kannella (Lm20). Dawn kollha għandhom in-naħa ta' quddiem komuni fejn tidher xbieha ta' mara, li tissimbolizza lil Malta, bi tmun f'idejha.

Dawn il-karti tal flus jistgħu jissarrfu biss mill-Bank Ċentrali ta' Malta san-12:30 tal-31 ta' Jannar 2018. Wara din id-data, dawn il-karti tal-flus ma jkollhomx valur.

Membri tal-pubbliku li jixtiequ jsarrfu karti tal-flus Maltin tal-Ħames Serje għandhom imorru l-Bank Ċentrali ta' Malta, Binja Ġlormu Cassar, St James's Counterguard, il-Belt Valletta (b'aċċess mill-venda tal-karozzi tal-linja tal-Belt jew minn Triq Ġirolamo Cassar) bejn id-9.30 u n-12:30, minbarra fil-festi bankarji u pubbliċi. Kull min isarraf il-flus Maltin ġewwa l-Bank Ċentrali ta' Malta jrid jippreżenta l-karta tal-identità.

Dawk kollha li ser isarrfu flus Maltin b'valur li jaqbeż il-Lm200 jridu jippreżentaw n-numru tal-IBAN tagħhom (jinkiseb mill-bank tagħhom). F'dawn il-każijiet, il-ħlas isir direttament fil-kont bankarju tagħhom.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Bank billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 3520/1 bejn it-8:00 u l-16:00.

Lura lejn l-Arkivju