News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

27/12/2017

Pubblikazzjoni tar-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2017, li jkopri l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja fl‑ewwel nofs tal‑2017, fi sfond ta' ekonomija li qed tkompli tikber. Bħal fl‑edizzjonijiet preċedenti tar‑Rapport, l‑analiżi tiffoka fuq it‑tliet kategoriji ta' banek (il‑core domestic, in‑non‑core domestic u l‑banek internazzjonali) u fuq setturi li huma relevanti fil-kuntest domestiku tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment. Ir‑Rapport jaċċenna wkoll dwar żviluppi riċenti fir‑regoli bankarji, inklużi dawk li kienu diskussi waqt il‑Presidenza Maltija.

L‑ekonomija Maltija kompliet issostni sistema finanzjarja b'saħħitha u tilqa' għal sfidi qawwija minn inċertezzi ġeopolitiċi. F'dan il-kuntest, kemm il‑banek u kif ukoll l‑istituzzjonijiet finanzjarji oħra komplew joperaw b'mod prudenti, mingħajr ma jieħdu riskji eċċessivi minkejja l-isfida kontinwa mir-rati tal‑imgħax li baqgħu baxxi. Fil-fatt, is‑sistema bankarja rreġistrat livelli tajbin ta' profittabbiltà, bil‑core domestic banks iżommu t‑tali qligħ permezz ta' marġini tal‑imgħax stabbli. Madankollu, tnaqqis fil‑qligħ minn investimenti bi dħul fiss, flimkien ma' regolamenti ta' superviżjoni finanzjarja onerużi qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il‑profittabbiltà. Fl‑istess ħin, it‑tkabbir tas‑self naqas minħabba tnaqqis sostnut f'self lill-kumpaniji mhux finanzjarji (NFCs). B'kuntrast għal dan, is‑self għal xiri ta' propjetà residenzjali baqa' b'saħħtu, bil‑banek iżommu politika prudenti ta' self u standards stabbli ta' kreditu.

Ir‑riskju marbut mas‑self kompla jonqos, li jirrifletti titjib fl‑affidabbiltà finanzjarja b'rizultat ta' tkabbir fl‑ekonomija. Write‑offs mill‑core domestic banks matul l‑aħħar xhur tal‑2016 u fl‑ewwel trimestru tal‑2017 ikkontribwew ukoll għal tnaqqis fid‑dejn fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans, NPLs). Għaldaqstant, il‑proporzjon tal‑NPL għall‑core domestic banks kompla nieżel għal 4.6% f'Ġunju 2017, bl‑ikbar titjib irreġistrat fl‑andament tas‑self ta' NFCs. L-emenda fir‑Regola Bankarja 09/2017 tal‑MFSA, li ġiet introdotta f'Jannar 2017, hi mistennija li tbaxxi aktar il‑livell ta' NPLs.

Is‑settur bankarju kompla jkun ikkaratterizzat minn riżervi suffiċjenti, u laħaq ir‑rekwiżiti minimi u dawk addizzjonali tal-kapital, bħall‑bafer ta' istituzzjonijiet oħra sistemikament importanti (OSII) u supplimentazzjonijet kapitali tat-tieni Pilastru (Pillar II capital), fejn applikabbli. Barra dan, il‑livell ta' likwidità baqa' sostanzjali, l‑aktar minħabba fiż-żidiet ta' depożiti tal‑klijenti.

Implikazzjonijiet sistemiċi minn non‑core domestic banks u minn banek internazzjonali baqgħu kontenuti, hekk kif l‑operazzjonijiet tagħhom baqgħu orjentati lejn in‑negozju internazzjonali. Bl‑istess mod, ir‑riskji mis‑setturi tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment baqgħu baxxi.

Sa mill‑pubblikazzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2016, ma feġġewx riskji ġodda, bir‑riskju ġenerali jkompli jonqos. It‑tkabbir imrażżan fis‑self baqa' sfida ewlenija li taffettwa l‑andament tal‑banek. Min‑naħa esterna, l‑iżviluppi ġeopolitiċi u l-persistenza tar‑rati baxxi tal‑imgħax fiż‑żona tal‑euro, huma vulnerabbiltajiet ewlenin għas‑settur finanzjarju f'Malta. Kontra dawn l‑isfidi, il‑banek iridu jżommu l‑politika prudenti tagħhom fis-self, isaħħu aktar ir‑riżervi u jkomplu jindirizzaw l‑istokk tagħhom  ta' self li ilu għal ħafna żmien klassifikat bħala NPLs.

Ir‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2017 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju