News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

18/12/2017

Lekċer Pubblika: The Road to Women’s Suffrage and Beyond

Sabiex jiġi ċċelebrat is‑sebgħin anniversarju mill‑kisba tad‑dritt tal‑vot min‑nisa Maltin, illejla saret lekċer pubblika ġewwa l‑Bank Ċentrali ta' Malta minn Dr Carmen Sammut bit‑titlu "The Road to Women's Suffrage and Beyond: Women's Enfranchisement and the Nation‑Building Project in Malta."

Dr Carmen Sammut tkellmet dwar il‑ġlieda diffiċli li wasslet għal din il‑kisba, ġlieda li bdiet fil‑bidu tas‑seklu għoxrin. Hi enfasizzat li għalkemm id‑dritt tal‑vot universali (minkejja li kien mogħti biss lil dawk il‑persuni li kellhom 21 sena jew iktar, għall‑kuntrarju tat‑talba għall‑vot għall‑persuni kollha minn 18‑il sena 'l fuq mill‑elementi aktar progressivi tal‑Assemblea Nazzjonali) ingħata fil‑Kostituzzjoni tal‑1947, it‑triq għal ugwaljanza effettiva bejn is‑sessi tkompli.

Il‑lekċer pubblika bdiet b'introduzzjoni minn Dr Pauline Lanzon, Senior Legal Counsel tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'deskrizzjoni tal‑kuntest kostituzzjonali u leġiżlattiv tal‑iżviluppi importanti li seħħew fl‑1947 u l‑konsegwenzi tiegħu.

Is‑Sur Jesmond Gatt, Chief Officer Banking Operations, ippreżenta l‑munita l‑ġdida tal‑fidda tal‑€10 maħruġa mill‑Bank bħala tifkira tas‑sebgħin anniversarju mill‑Kostituzzjoni tal‑1947, liema kostituzzjoni introduċiet il‑vot għan‑nisa Maltin. Huwa tkellem ukoll dwar it‑tradizzjoni ta' muniti kommemorattivi tal‑Bank.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta Dr Mario Vella kkonkluda b'intervent qasir fejn enfasizza li l‑kommemorazzjoni u ċ‑ċelebrazzjoni mhumiex biżżejjed. Il‑Gvernatur argumenta li hemm ħafna iktar xi jsir sabiex tiġi żgurata ugwaljanza effettiva tan‑nisa, inkluż fil‑Bank Ċentrali ta' Malta nnifsu.

Intervalli mużikali ġew interpretati minn Veronique Vella, Arcangelo Corelli, Antonio Vivaldi u George Frideric Händel tal‑Orkestra Filarmonika ta' Malta.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑istudju ta' Dr Carmen Sammut. Dawk interessati li jiksbu kopja ta' din il‑pubblikazzjoni bla ħlas huma mitluba jibagħtu email lill‑Communications and International Relations Department tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Public Lecture

Public Lecture

Lura lejn l-Arkivju