News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

18/12/2017

Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2017-2020

Ir‑ritmu tal‑attività ekonomika f'Malta żdied fl‑2017. L‑aħħar tbassir ekonomiku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta jipprevedi li t‑tkabbir ekonomiku matul it‑tliet snin li ġejjin mistenni li jibqa' b'saħħtu minn perspettiva storika, għalkemm ftit iktar baxx mill‑2017. Dan it‑tbassir juri reviżjoni 'l fuq fit‑tkabbir meta mqabbel mas‑sett preċedenti ta' tbassir, minħabba tkabbir aktar b'saħħtu fil‑konsum privat u fl‑esportazzjoni netta. It‑tkabbir fis‑snin li ġejjin ser jiġi sostnut minn fatturi ta' domanda u provvista. B'mod partikolari, l‑impatt kontwinu tar‑riformi fl‑enerġija, proġetti ġodda ta' investiment, żieda fil‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol u esportazzjoni qawwija ta' servizzi huma l‑istimoli ewlenin li jsostnu t‑tkabbir ekonomiku.

Minħabba tkabbir ekonomiku mgħaġġel, is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad tkompli tinżel għal 4.1% fl‑2017. Sussegwentement, ir‑rata tal‑qgħad hi mistennija li tiżdied xi ftit, hekk kif jimmodera r‑ritmu tal‑attività, għalkemm hi mistennija li tibqa' baxxa minn perspettiva storika matul il-perjodu kollu tat-tbassir.

L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), għandha tiżdied minn 0.9% fl‑2016 għal 1.2% fl‑2017, parzjalment minħabba żidiet fil‑prezzijiet internazzjonali tal‑fjuwil. Hu mistenni li l-inflazzjoni titla' aktar, għal 2.0% sal‑2020, minħabba żieda fil‑pressjonijiet tal‑ispejjeż domestiċi.

F'termini ta' finanzi pubbliċi, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali hu mistenni li jibqa' pożittiv bejn l‑2017 u l‑2020. Sadattant, il‑proporzjon tad‑dejn għall‑PDG hu mistenni li jinżel għal ftit iktar minn 45%.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

 

 

Lura lejn l-Arkivju