News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

29/11/2017

Avveniment Pubbliku: The Road to Women’s Suffrage and Beyond

Fl‑24 ta' Novembru 2017, ittella' avveniment konġunt mill‑Ministeru għal Għawdex u l‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa r‑Rabat, Għawdex, sabiex jiġi ċċelebrat is‑sebgħin anniversarju mill‑kisba tad‑dritt tal‑vot min‑nisa Maltin.

Dr Carmen Sammut, pro-rettur tal‑Università ta' Malta, tkellmet dwar il‑ġlieda diffiċli li wasslet għal din il‑kisba, ġlieda li bdiet fil‑bidu tas‑seklu għoxrin. Hi enfasizzat li għalkemm id‑dritt tal‑vot universali (minkejja li kien mogħti biss lil dawk il‑persuni li kellhom 21 sena jew iktar, għall‑kuntrarju tat‑talba għall‑vot għall‑persuni kollha minn 18‑il sena 'l fuq mill‑elementi aktar progressivi tal‑Assemblea Nazzjonali) ngħata fil‑Kostituzzjoni tal‑1947, it‑triq għal ugwaljanza effettiva bejn is‑sessi tkompli.

Jesmond Gatt, Chief Officer Banking Services fil‑Bank Ċentrali ta' Malta, introduċa dan l-avveniment, segwit minn Elaine Lenzo, Senior Officer fil‑Currency Operations Office tal‑Bank Ċentrali, b'taħdita informattiva dwar muniti maħruġa mill‑Bank Ċentrali ta' Malta li jfakkru avvenimenti importanti fl‑istorja kostituzzjonali ta' Malta. Il‑ħruġ tal‑munita li jmiss, li ser tiġi mnedija fl‑1 ta' Diċembru 2017, ser tkun munita tal‑fidda li tfakkar is‑sebgħin anniversarju mill‑kisba tad‑dritt tal‑vot min‑nisa Maltin.

Fit‑18 ta' Diċembru 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jippubblika studju minn Dr Carmen Sammut dwar dan is‑suġġett bit‑titlu "The Road to Women's Suffrage and Beyond: Women's Enfranchisement and the Nation‑Building Project in Malta".

Il‑Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana, għalqet l-avveniment b'diskors iffukat fuq id‑diffikultajiet li jostakolaw lin‑nisa milli jagħtu kontribut akbar fil‑politika. Intervalli mużikali ġew interpretati minn Britt Arend, Principal Harp tal‑Orkestra Filarmonika ta' Malta.

Dr Carmen Sammut waqt il-preżentazzjoni tagħha ‘The Road to Women’s Suffrage and Beyond: Women’s Enfranchisement and the Nation Building Project in Malta’, akkumpanjata mill-Onor. Dr Justyne Caruana u Ms Elaine Cynthia Lenzo.
Dr Carmen Sammut waqt il-preżentazzjoni tagħha ‘The Road to Women’s Suffrage and Beyond: Women’s Enfranchisement and the Nation Building Project in Malta’, akkumpanjata mill-Onor. Dr Justyne Caruana u Ms Elaine Cynthia Lenzo. 

L-Onor. Dr Justyne Caruana tindirizza lill-udjenza waqt id-diskors tagħha fl-Avveniment Pubbliku.
L-Onor. Dr Justyne Caruana tindirizza lill-udjenza waqt id-diskors tagħha fl-Avveniment Pubbliku. 

Lura lejn l-Arkivju