News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

10/08/2017

Pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2016

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika d‑disa' edizzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Ir-Rapport ikopri żviluppi fis‑sistema finanzjarja Maltija matul l‑2016. Ir‑Rapport jevalwa wkoll ir-reżiljenza tas‑sistema finanzjarja biex tegħleb kemm dawk ir-riskji potenzjali ewlenin għas‑sistema, u kif ukoll ir-riskji li ġejjin mix‑xenarju makroekonomiku ġenerali li fih topera s‑sistema finanzjarja.

Ir‑Rapport jiddiskuti riskji ewlenin, rakkomandazzjonijiet ta' politika finanzjarja u miżuri meħudin sabiex jiġu mmitigati dawn ir‑riskji. Ir‑Rapport jipprovdi analiżi tax-xejriet ewlenin fil-qasam ekonomiku internazzjonali u dak lokali, u jiffoka fuq żviluppi ewlenin fis‑setturi ekonomiċi ewlenin f'Malta u fuq il‑kundizzjonijiet finanzjarji tal‑familji Maltin. Ir‑Rapport jinkludi analiżi tas‑settur bankarju u r‑reżiljenza tiegħu għal riskji relatati, u jiddistingwi bejn core domestic banks, non‑core domestic banks u banek internazzjonali. Din l‑analiżi hi sostnuta minn testijiet tal‑istress (top‑down stress tests). Ir‑Rapport ikopri żviluppi fin‑negozju tal‑assigurazzjoni u tal-fondi ta' investiment relevanti għall‑ekonomija domestika. Artikli speċjali f'din l‑edizzjoni jinkludu analiżi tar‑riżultati tal‑istħarriġ dwar is‑self tal‑banek (Bank Lending Survey), flimkien ma' ħarsa ġenerali lejn il‑profittabbiltà tal‑core domestic banks fl‑aħħar għaxar snin, u silta bl‑aħħar żviluppi dwar ir‑rekwiżiti regolatorji minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) applikabbli għall‑banek kollha fl‑UE.

Fl‑2016, l‑assi totali tal‑core domestic banks komplew jiżdiedu u laħqu l‑220% tal‑prodott domestiku gross (PDG). Is‑self fuq xiri ta' proprjetà residenzjali u depożiti ma' banek oħrajn u mal‑Eurosistema kkontribwew għal dan it‑tkabbir li kien iffinanzjat minn influss konsistenti ta' depożiti tal‑klijenti. Is‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji (NFCs) baqa' kemxejn dgħajjef, wara sinjali ta' diżintermedjazzjoni mis‑settur korporattiv, li qed jirrikorri dejjem aktar għas‑suq kapitali domestiku għall‑ħtiġijiet finanzjarji tiegħu. It‑tkabbir kajman fis‑self totali tal‑core domestic banks naqqas il‑proporzjon bejn is‑self u d‑depożiti għal livell rekord ta' 56.0%. Il‑kwalità tal‑assi kompliet titjieb, bil‑proporzjon tas‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans, NPL) jinżel għal 5.3% fl‑2016, minn 7.1% sena qabel. Fl‑istess waqt, il‑core domestic banks komplew jibnu l‑provvedimenti, u b'hekk il‑coverage ratio tela' għal 46.0%. Il‑qligħ kompla jiżdied fl‑2016, bid‑dħul nett mill‑imgħax iżomm postu bħala s‑sors ewlieni ta' dħul għall-core domestic banks; dan seħħ fi sfond ta' tkabbir dgħajjef tas‑self u xenarju fit‑tul ta' rata baxxa tal‑imgħax li baqgħu jagħmlu pressjoni fuq il‑profittabbiltà.

Madankollu, fl‑2016, il‑qligħ fuq l‑ishma (ROE) żdied b'0.3 ta' punt perċentwali għal 10.2%, filwaqt li l‑qligħ fuq l‑assi (ROA) tela' b'0.1 ta' punt perċentwali għal 0.8% u qabeż il‑medja għal banek żgħar fiż‑żona tal‑euro.

Il‑core domestic banks komplew joperaw b'buffers għoljin ta' likwidità, hekk kif il‑proporzjon tal‑kopertura tal‑likwidità (LCR) kien ferm ogħla mil‑livelli rekwiżiti. Il‑livelli ta' kapital tal‑core domestic banks baqgħu b'saħħithom fl-2016, bil‑Capital Adequacy Ratio u t‑Tier 1 Capital Ratio jkunu 16.0% u 13.4% rispettivament, bit‑tnejn li huma jkunu ferm ogħla mill‑minimi regolatorji. Il‑mudell tan‑negozju ta' dan il‑grupp ta' banek baqa' ffukat b'mod ġenerali fuq l‑attività bankarja tradizzjonali u kompla jinvesti f'titoli bi kwalità għolja ta' investiment.

In‑non‑core domestic banks u l‑banek internazzjonali żammew id-direzzjoni tan‑negozju internazzjonali tagħhom, b'rabtiet limitati jew kważi ineżistenti mal‑ekonomija domestika. Id‑daqs tan‑non‑core domestic banks baqa' primarjament l‑istess fil‑livell ta' 25% tal‑PDG, filwaqt li dak tal‑banek internazzjonali naqas għal 222.7% tal‑PDG. Dan seħħ l-aktar minħabba żviluppi fiż‑żewġ fergħat il‑kbar tal‑banek barranin. Il‑finanzjament ta' dawn iż‑żewġ gruppi ta' banek joriġina l‑aktar minn barra minn Malta, filwaqt li l‑espożizzjonijiet jirrelataw l-aktar mal‑assi barranin tagħhom. In‑non‑core domestic banks u l‑banek internazzjonali rrappurtaw qligħ pożittiv fl‑2016, bil‑livelli ta' kapital u likwidità jibqgħu ogħla mir‑rekwiżiti regolatorji minimi. B'mod ġenerali, ir‑riskji mill‑operat ta' dawn iż‑żewġ kategoriji ta' banek baqgħu baxxi.

Bl‑istess mod, ir‑riskji għall‑istabbiltà finanzjarja mill‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni u l‑fondi ta' investiment b'orjentament lokali baqgħu baxxi u mrażżnin. Dawn l‑istituzzjonijiet komplew juru xejra pożittiva, bis‑saħħa ta' operazzjonijiet konservattivi tan‑negozju u strateġiji prudenti ta' investiment.

L‑analiżi tikkonferma li s‑sistema finanzjarja lokali baqgħet b'saħħitha u reżiljenti għal numru ta' sfidi ewlenin, imsaħħa minn kundizzjonijiet makroekonomiċi domestiċi favorevoli. Barra minn hekk, ir‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja ssaħħet minn numru ta' miżuri makroprudenzjali implimentati fl‑2016, inkluża r‑reviżjoni tar‑Regola Bankarja 09/2016 li hi mmirata lejn ir‑riskju marbut mas‑self. Dan ir‑riskju naqas wara titjib fil-kwalità tas-self flimkien ma' write-offs ta' xi self li jmur lura fiż-żmien. Riskji potenzjali relatati ma' żidiet tal-prezzijiet tal-proprjetà li seħħew minħabba rkupru f'dan is‑settur, huma mrażżnin minn akkumulazzjoni fil‑ġid tal‑individwi, kundizzjonijiet favorevoli fis‑suq tax‑xogħol, kif ukoll minn politika konservattiva ta' self tal‑banek. Tkabbir kemxejn dgħajjef tas‑self, flimkien ma' xenarju persistenti ta' rata baxxa tal‑imgħax, jibqgħu sfida ewlenija għall‑banek.

Il‑prospetti għall‑istabbiltà finanzjarja baqgħu pożittivi, bi wħud mir‑riskji identifikati mistennija jkomplu jbattu fl‑2017. Madankollu, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jirrakkomanda li l‑banek ikomplu jadottaw prattiċi prudenti ta' self u fl‑istess waqt ikunu kawti meta jiġu biex jieħdu aktar riskji permezz ta' standards ta' kreditu aktar favorevoli għal min jissellef. L‑istituzzjonijiet finanzjarji huma mħeġġa jkomplu jkunu effiċjenti biex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom filwaqt li jfittxu sorsi alternattivi ta' introjtu, sabiex tiġi żgurata profittabbiltà sostenibbli fuq medda ta' żmien twil, u jinżammu riżervi f'livelli b'saħħithom.

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

Lura lejn l-Arkivju