News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

09/08/2017

Tifkira tal-Konvoj ta’ Santa Marija u tal-Għoti tal-George Cross

Fl‑14 ta' Awwissu 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MaltaPost ser joħorġu prodott numiżmatiku konġunt sabiex ifakkru l‑ħamsa u sebgħin sena mill‑għoti tal‑George Cross lil Malta f'April 1942, u l‑wasla tal‑konvoj providenzjali imsejjaħ 'Pedestal' f'Awwissu 1942. Il‑prodott jikkonsisti f'munita tal‑fidda u replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda.

Kampanja kiefra ta' bbumbardjar mill‑qawwiet tal‑Assi laħqet il‑quċċata tagħha matul ix‑xhur ta' Marzu u April 1942. Matul ix-xahar ta' April biss, kienu twaqqgħu 7,000 tunnellata ta' bombi fuq Malta. Id‑difiża erojka tal‑gżira kontra ostakli insuperabbli wasslet lir‑Re Ġorġ VI biex jagħti l‑George Cross lil Malta "sabiex jonora n‑nies qalbiena tagħha".

F'dak iż‑żmien, Malta kienet kważi iżolata kompletament u l‑isforzi erojċi u ta' spiża kbira sabiex Malta jaslulha l‑provvisti ma rnexxewx. F'Lulju 1942 ġie deċiż li jitlaq konvoj skortat sew minn Ġibiltà. Il‑konvoj, imsejjaħ Pedestal, kien jikkonsisti minn tlettax‑il bastiment tal‑merkanzija u t‑tanker Ohio, skortat minn erbgħa u erbgħin bastiment tal‑gwerra, inklużi żewġ battleships u tliet aircraft carriers. Erba' bastimenti biss tal‑merkanzija rnexxielhom jaslu Malta. Imbagħad fil‑15 ta' Awwissu 1942, il‑festa tal-Assunzjoni ta' Santa Marija, it‑tanker Ohio li kien ġarrab ħsarat kbar, daħal fil‑Port il‑Kbir b'diffikultà kbira, irmunkat minn żewġ destroyers. Għalkemm l‑Operation Pedestal, magħrufa lokalment bħala l‑konvoj ta' Santa Marija, ma ggarantietx salvazzjoni għal żmien twil, ġabet biżżejjed provvisti sabiex jiġu sostnuti d‑difiżi ta' Malta u b'hekk ma ċċedix.

Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint, turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2017 fuq in‑naħa ta' quddiem. Fuq in‑naħa ta' wara, il‑munita turi t‑tanker 'Ohio' flimkien ma' destroyer tar‑Royal Navy fl‑isfond. Dan jagħti ġieħ lis‑sagrifiċċju erojku li sar mir‑Royal Navy u l‑Merchant Navy sabiex Malta jibqa' jkollha l‑provvisti matul it‑Tieni Gwerra Dinjija. Il‑munita turi wkoll il‑George Cross - simbolu tanġibbli li jonora u jfakkar għal dejjem il‑qlubija tal‑Maltin fl‑agħar żminijiet li għaddiet minnhom il‑gżira matul il‑gwerra.

Il‑munita, li tista' wkoll tinxtara waħedha, għandha valur nominali ta' €10. Il‑munita hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 mm. Il‑munita hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,000 munita. Il‑munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason.

Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda ġiet ukoll prodotta għall‑MaltaPost mir‑Royal Dutch Mint u turi l‑bolla postali ta' €3.00, waħda mill‑bolol postali maħruġa għall‑okkażjoni tal‑ħamsa u sebgħin sena mill‑'Operation Pedestal'.

Dan il‑prodott konġunt ser ikun f'kaxxa attraenti u huwa limitat għal 500 sett. Is‑settijiet u l‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre (MCC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta, jew mill‑e‑shop tal‑MCC. Il‑prezz tas‑sett huwa €92, filwaqt li l‑prezz tal‑munita waħedha huwa €60. Iż‑żewġ prezzijiet jinkludu l‑VAT.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Tifkira tal-Konvoj ta’ Santa Marija u tal-Għoti tal-George Cross - munita tal-fidda                 Tifkira tal-Konvoj ta’ Santa Marija u tal-Għoti tal-George Cross - prodott konġunt

Lura lejn l-Arkivju