Il-Konvoj ta’ Santa Marija u l-Għoti tal-George Cross
2017
|
Il-Konvoj ta' Santa Marija u l-Għoti tal-George Cross
|

|

|
Fl-2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MaltaPost ħarġu prodott numiżmatiku konġunt sabiex ifakkru l‑ħamsa u sebgħin sena mill‑għoti tal‑George Cross lil Malta f'April 1942, u l‑wasla tal‑konvoj providenzjali msejjaħ 'Pedestal' f'Awwissu 1942. Il‑prodott jikkonsisti f'munita tal‑fidda u replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda.
Kampanja kiefra ta' bbumbardjar mill‑qawwiet tal‑Assi laħqet il‑quċċata tagħha matul ix‑xhur ta' Marzu u April 1942. Matul ix-xahar ta' April biss, kienu twaqqgħu 7,000 tunnellata ta' bombi fuq Malta. Id‑difiża erojka tal‑gżira kontra ostakli insuperabbli wasslet lir‑Re Ġorġ VI biex jagħti l‑George Cross lil Malta "sabiex jonora n‑nies qalbiena tagħha".
F'dak iż‑żmien, Malta kienet kważi iżolata kompletament u l‑isforzi erojċi u ta' spiża kbira sabiex Malta jaslulha l‑provvisti ma rnexxewx. F'Lulju 1942 ġie deċiż li jitlaq konvoj skortat sew minn Ġibiltà. Il‑konvoj, imsejjaħ Pedestal, kien jikkonsisti minn tlettax‑il bastiment tal‑merkanzija u t‑tanker Ohio, skortat minn erbgħa u erbgħin bastiment tal‑gwerra, inklużi żewġ battleships u tliet aircraft carriers. Erba' bastimenti biss tal‑merkanzija rnexxielhom jaslu Malta. Imbagħad fil‑15 ta' Awwissu 1942, il‑festa tal-Assunzjoni ta' Santa Marija, it‑tanker Ohio li kien ġarrab ħsarat kbar, daħal fil‑Port il‑Kbir b'diffikultà kbira, irmunkat minn żewġ destroyers. Għalkemm l‑Operation Pedestal, magħrufa lokalment bħala l‑konvoj ta' Santa Marija, ma ggarantietx salvazzjoni għal żmien twil, ġabet biżżejjed provvisti sabiex jiġu sostnuti d‑difiżi ta' Malta u b'hekk ma ċċedix.
Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint, turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2017 fuq in‑naħa ta' quddiem. Fuq in‑naħa ta' wara, il‑munita turi t‑tanker 'Ohio' flimkien ma' destroyer tar‑Royal Navy fl‑isfond. Dan jagħti ġieħ lis‑sagrifiċċju erojku li sar mir‑Royal Navy u l‑Merchant Navy sabiex Malta jibqa' jkollha l‑provvisti matul it‑Tieni Gwerra Dinjija. Il‑munita turi wkoll il‑George Cross - simbolu tanġibbli li jonora u jfakkar għal dejjem il‑qlubija tal‑Maltin fl‑agħar żminijiet li għaddiet minnhom il‑gżira matul il‑gwerra.
Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda ġiet ukoll prodotta għall‑MaltaPost mir‑Royal Dutch Mint u turi l‑bolla postali ta' €3.00, waħda mill‑bolol postali maħruġa għall‑okkażjoni tal‑ħamsa u sebgħin sena mill‑'Operation Pedestal'.
Dan il‑prodott konġunt ser ikun f'kaxxa attraenti u huwa limitat għal 500 sett.
|
Tip
|
Denominazzjoni
|
Dijametru (mm)
|
Piż Gross (g)
|
Finezza
|
Disinjatur
|
Zekka
|
Stampar
|
Fidda Proof
|
€10
|
38.61
|
28.28
|
0.925
|
Noel Galea Bason
|
Royal Dutch Mint
|
2,000
|