News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
25/06/2024 09:15:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport tiegħu dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima għall-2024
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika r-rapport tiegħu dwar divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal‑klima għall-2024, li jiffoka dwar portafolji tal-politika mhux monetarja (NMPPs) hekk kif denominati f'euro u f'munita barranija. Dan ir-rapport jifforma parti mid-divulgazzjonijiet relatati mal-klima mill-Eurosistema kollha, u mhux biss jallinja ma', iżda saħansitra jmur lil hinn, il-qafas unifikat stabbilit mill-Eurosistema. Ir-rapport jibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima (TCFD) u s-Sħubija għall-Finanzjamenti tal-Kontabilità tal-Karbonju (PCAF).
Ir-rapport jirrifletti l-isforzi kontinwi tal-Bank lejn it-trasparenza, ir-responsabbiltà, u politika proattiva ta' maniġġ tar-riskji relatati mal-klima għall-portafolli tal-politika mhux monetarja tal-Bank. Il-punti ewlenin jinkludu:
- Żieda fl-Investimenti Ekoloġiċi: Il‑Bank żied b'mod sinifikanti l-proporzjon ta' bonds ekoloġiċi u tematiċi, li issa jkopru madwar 10% tal‑assi mmaniġġjati tiegħu.
- Allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi: Il-biċċa l-kbira tal-fondi ta' ekwità tal-Bank issa huma allinjati mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Pariġi. Dan l-allinjament qed jiġi rreplikat ukoll f'portafoll ta' bonds korporattivi mmaniġġjati esternament.
- Allokazzjoni Strateġika tal-Assi: Il-Bank ikompli jiddiversifika l-assi mmaniġġjati minnu, u qed jinkorpora s-sostenibbiltà bħala r-raba' pilastru fil-proċess ta' Allokazzjoni Strateġika tal-Assi tiegħu. Din l-integrazzjoni sal-lum żgurat li ż-żieda fl-investimenti ma tirriżultax f'deterjorament sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-metriċi normalizzati tal-Bank.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' determinat fl‑impenn tiegħu li jikseb in‑newtralità karbonika fit‑tul għall‑NMPPs tiegħu sal‑2050, f'konformità mal‑Ftehim ta' Pariġi u l‑Liġi tal‑UE dwar il‑Klima, filwaqt li jissodisfa wkoll l‑għanijiet l‑oħra tiegħu ta' investiment.
Ir-Rapport dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima għall-2024 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju