News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

24/04/2024 14:32:00

Donazzjoni mill-impjegati tal-Bank Ċentrali lil Hospice Malta

Fl-24 ta’ April 2024, il-Gvernatur il-Professur Edward Scicluna ppreżenta donazzjoni lil Ms Bernadette Bonnici Kind, Chairperson ta’ Hospice Malta waqt ċerimonja li saret fil-binja l-ġdida St Michael Hospice Complex f’Santa Venera. 

Il-Gvernatur Scicluna jippreżenta donazzjoni lil Ms Bernadette Bonnici Kind
Ritratt: Melvin Bugeja

Il-fondi nġabru mill-impjegati tal-Bank Ċentrali waqt l-attivitajiet ta' Pink October/Movember organizzati mill-Kumitat Kulturali tal-Bank.

Ms Bonnici Kind irrikonoxxiet l‑impenn ġeneruż tal‑impjegati tal‑Bank u ħeġġet inizjattivi u attivitajiet bħal dawn organizzati taħt il-programm ta' responsabbiltà soċjali korporattiva tal-Bank.

Il‑Bank organizza diversi attivitajiet bil-għan li jqajjem kuxjenza u jiffinanzja l‑prevenzjoni, ir‑riċerka u l‑edukazzjoni dwar il-kanċer. Fis-27 ta' Ottubru, il-Bank ingħata laqta roża hekk kif l-impjegati kollha ngħataw żigarelli roża mal-wasla tagħhom. Barra minn hekk ġiet organizzata wkoll il-kampanja No-shave November għal xahar sħiħ, fejn l-impjegati rġiel kollha ġew mistiedna jkabbru l-mustaċċi u/jew id-daqna tagħhom sal-aħħar ta' Novembru.

Avvenimenti bħal dawn mhux biss biex jinvolvu lill-impjegati iżda wkoll jgħinu fit-tixrid ta' messaġġi importanti dwar is-saħħa u l-benesseri madwar l-organizzazzjoni u lil hinn minnha. Billi jinvolvi b'mod attiv lill-impjegati tiegħu f'dawn l-inizjattivi, il-Bank irawwem sens ta' komunità u solidarjetà filwaqt li jagħti kontribut siewi għal kawżi importanti.

Ritratt tal-Grupp
Mix-xellug: Melvin Bugeja, Chairperson, CBM Cultural Activities Committee,
Kenneth Delia, CEO Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind, Chairperson Hospice Malta, il-Gvernatur il-Professur Edward Scicluna, Michelle Abela, Chairperson CBM Social Club,
Alexia Demicoli, Chief Relations Officer, Hospice Malta

Lura lejn l-Arkivju