News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

23/04/2024 11:47:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2024

L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fl-ewwel kwart tal‑2024 il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju żdied meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Dan tela' għal 47%, minn 35% fl-aħħar kwart tas-sena. Kollox ma' kollox, il-kundizzjonijiet kienu iktar pożittivi fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi, ħlief fis-settur tas-servizzi.

Proporzjon nett ta' 39% tan-negozji qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin, tnaqqis minn 42% fil-kwart preċedenti.

Il-proporzjon nett tal-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni naqas. Fil-fatt, 42% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, tnaqqis mil-livell ta' 60% rrappurtat fil-perjodu ta' qabel.

Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla kien fil-livell ta' 34% fl-ewwel kwart tal-2024, tnaqqis ta' sittax-il punt perċentwali mill-kwart ta' qabel.

Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar żdied għal 36%, minn 10% fil-kwart ta' qabel filwaqt li l-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati tagħhom żdied b'żewġ punti perċentwali, għal proporzjon nett ta' 42%. Il-kumpaniji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, kif ukoll il-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.

Din il-pubblikazzjoni tara wkoll jekk il-kumpaniji humiex intiżi dwar l-impatt potenzjali tal-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-ETS tal-UE fuq l-operat tagħhom. Din l-analiżi ssib li madwar 36% tan-negozji jistennew impatt dirett fuq l-operat tagħhom, filwaqt li 33% ma jistennew l-ebda impatt. Fl-istess waqt, 6% tal-kumpaniji kkuntattjati jistennew impatt indirett u 25% mhumiex ċerti mill-impatt.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.

Key Figures

Lura lejn l-Arkivju