News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
13/02/2024 09:33:00
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali – 2023-2026
It-tkabbir fil-PDG mistenni li jimmodera
Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni jikber b'4.4% fl-2024. Dan mistenni li jitbaxxa bi ftit għal 3.6% fl-2025, u għal 3.3% tal-PDG sal-2026. Dan ifisser reviżjoni 'l fuq fl-2024 meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, filwaqt li għall-2025 u l-2026 il-prospetti ma nbidlux. Ir-reviżjoni 'l fuq hija prinċipalment minħabba reviżjonijiet pożittivi fil-konsum privat u l-esportazzjoni netta kif irrappurtata fl-aħħar ħruġ taċ-ċifri tal-kontijiet nazzjonali.
Filwaqt li fl-2023 it-tkabbir huwa stmat li kien xprunat primarjament mill-esportazzjoni netta, id-domanda domestika hija prevista li tkun il-mutur ewlieni tat-tkabbir fl-2024. It-tkabbir fil-konsum privat mistenni jkompli b'ritmu mgħaġġel, filwaqt li l-investiment privat mistenni li jirkupra bil-mod. L-esportazzjoni netta hija mbassra li tikkontribwixxi b'mod pożittiv, xprunata l-aktar mill-esportazzjoni ta' servizzi. It-tkabbir fl-2025 u l-2026 mistenni wkoll li jkun immexxi mid-domanda domestika.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera fil-perjodu tat-tbassir, filwaqt li l-pagi mistennija li jirpiljaw fl-2024, fid-dawl ta' inflazzjoni għolja fil-passat riċenti u suq tax-xogħol ristrett.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hija mbassra li tbatti minn 5.6% fl-2023 għal 2.9% fl-2024, qabel ma tilħaq il-1.9% sal-2026. Għalhekk huwa previst li din is-sena, din tibqa' ogħla mill-mira tal-Eurosistema. Dan minħabba effetti indiretti u li għadhom qed jiżvolgu, għar-reazzjoni tal-pagi għaż-żidiet riċenti fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-marġni tal-qligħ. Madankollu, meta mqabbla mat-tbassir preċedenti, l-inflazzjoni ġiet riveduta 'l isfel b'0.1 ta' punt perċentwali matul il-perjodu kollu tat-tbassir, f'konformità ma' dak li qed jindikaw l-aħħar ċifri.
Id-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jonqos matul il-perjodu tat-tbassir. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jiżdied, u jilħaq il-livell ta' 54.3% sal-2026. Meta mqabbla mat-tbassir preċedenti, il-proporzjonijiet imbassra kemm tad-defiċit kif ukoll tad-dejn ġew riveduti 'l isfel.
Ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu 'l isfel fl-2024. Dan għaliex it-tensjonijiet ġeopolitiċi jistgħu jħallu effett negattiv fuq il-kummerċ. B'mod partikolari, it-tfixkil għat-tbaħħir madwar il-Kanal ta' Suez, jista' jwassal għal xi xkiel fil-provvista jew ħinijiet itwal ta' stennija, minbarra l-possibbiltà ta' żieda fl-ispejjeż. Ir-riskji huma aktar ibbilanċjati fis-snin ta' wara.
Ir-riskji għall-inflazzjoni huma wkoll ibbilanċjati. Ir-riskji li jxaqilbu lejn żieda huma marbuta l-aktar mat-tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi speċjalment it-tfixkil fil-kummerċ fil-Baħar l-Aħmar, kif ukoll l-impatt potenzjali tal-miżuri "Fit-for-55" u avvenimenti estremi tat-temp. Min-naħa l-oħra, ir-riskji negattivi huma relatati ma' trażmissjoni aktar b'saħħitha mill-issikkar monetarju għall-kundizzjonijiet finanzjarji domestiċi u ekonomiċi reali, kif ukoll l-impatt mill-miżura tal-Gvern biex jitrażżnu l-prezzijiet ta' diversi prodotti tal-ikel fuq żmien qasir.
Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi mill-2024 (żieda fid-defiċit). Dawn jirriflettu prinċipalment il-possibbiltà ta' nfiq ogħla milli mistenni fuq miżuri li jtaffu l-effett tal-ispejjeż marbuta mal-enerġija, fil-każ li l-prezzijiet tal-prodotti jkunu ogħla milli previst. Jirriflettu wkoll il-probabbiltà ta' nfiq addizzjonali fuq il-pensjonijiet u l-pagi tas-settur pubbliku. Dawn ir-riskji huma parzjalment megħluba mill-probabbiltà ta' rpiljar fir-ritmu tal-konsolidament fiskali lejn l-aħħar tal-perjodu tat-tbassir.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet analitiċi. L-ewwel silta tanalizza fid-dettall l-iżviluppi riċenti fil-konsum privat u l-implikazzjonijiet fuq it-tbassir tal-Bank. It-tieni silta tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn il-kompożizzjoni tal-benefiċċji soċjali.
|
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
|
Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)
|
6.3
|
4.4
|
3.6
|
3.3
|
|
Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)
|
5.6
|
2.9
|
2.2
|
1.9
|
|
Rata tal-qgħad
|
2.6
|
2.6
|
2.7
|
2.9
|
|
Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
-4.5
|
-4.0
|
-3.5
|
-3.1
|
|
Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
50.7
|
52.7
|
53.5
|
54.3
|
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju