News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
24/01/2024 09:40:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2024
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fir-raba' kwart tal‑2023, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju naqas meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Dan kien fil-livell ta' 35%, tnaqqis minn 44% fit-tielet kwart tas-sena. Kollox ma' kollox, il-kundizzjonijiet kienu inqas pożittivi minn qabel fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi, ħlief fis-servizzi fejn kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet.
Proporzjon nett ta' 42% tan-negozji qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin, tnaqqis minn 47% fil-kwart preċedenti.
Il-proporzjon nett tal-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni reġa' laħaq il-livell irrapportat fit-tieni kwart tal-2023. Fil-fatt, 60% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, żieda mil-livell ta' 46% rrappurtat fil-perjodu ta' qabel.
Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla, kien fil-livell ta' 50% fl-aħħar kwart tal-2023, żieda ta' żewġ punti perċentwali mill-kwart ta' qabel.
Fir-raba' kwart tal-2023, il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar matul din is-sena, niżel b'mod sinifikanti għal 15%, minn 50% fit-tielet kwart.
Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati tagħhom naqas b'ħames punti perċentwali għal proporzjon nett ta' 40%. Il-kumpaniji komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, kif ukoll il-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi. Fil-fatt, żewġ terzi tan-negozji kkuntattjati jistennew li l-pagi fl-2024 jiżdiedu b'aktar minn 5%.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi silta li tqabbel il-previżjonijiet tan-negozji rrappurtati matul l-ewwel kuntatt li sar fl-2023 mar-riżultati rrappurtati fit-tieni intervista fl-2023. Instab li 55% tan-negozji bassru b'mod korrett id-direzzjoni tal-bidla fil-kundizzjonijiet tan-negozju tagħhom.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.

Lura lejn l-Arkivju