News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
11/12/2020 12:45:00
Konsultazzjoni pubblika tal-BĊE dwar l-istatistika tal-pagamenti
Fis‑27 ta' Frar 2020, il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nieda konsultazzjoni pubblika dwar l‑abbozz tar‑Regolament tal‑BĊE li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 1409/2013 tal‑BĊE tat‑28 ta' Novembru 2013 dwar l‑istatistika tal‑pagamenti (BĊE/2013/43), li jaġġorna r‑rekwiżiti għall‑ġbir u r‑rappurtar tal‑istatistika tal‑pagamenti. L‑għan ta' din l‑emenda kien li jissaħħaħ dan il‑qafas ta' statistika sabiex tinkludi s‑servizzi ġodda ta' pagament disponibbli fis‑suq, l‑iżviluppi relatati fil‑leġiżlazzjoni Ewropea u biex ikopri firxa usa' ta' kif tista' tintuża l‑istatistika tal‑pagamenti.
Il‑konsultazzjoni pubblika kienet oriġinarjament prevista li ddum sitt ġimgħat, madankollu minħabba l‑imxija tal‑COVID‑19, l‑iskadenza għas‑sottomissjoni tal‑kummenti għall‑konsultazzjoni pubblika tmexxiet għas‑7 ta' Mejju 2020, li tippermetti konsultazzjoni ta' għaxar ġimgħat.
Wara evalwazzjoni tal‑kummenti li waslu, reviżjoni tar‑Regolament emendatorju ntbagħtet lill‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE u ġiet adottata bħala r‑Regolament tal‑BĊE li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 1409/2013 tal‑BĊE tat‑28 ta' Novembru 2013 dwar l‑istatistika tal‑pagamenti (BĊE/2013/43) fl‑1 ta' Diċembru 2020. Ir‑Regolament emendatorju qiegħed jiġi ppubblikat illum fuq is‑sit elettroniku tal‑BĊE u jista' jiġi aċċessat hawn.
Dan ir‑Regolament għandu jidħol fis‑seħħ fl‑għoxrin jum wara l‑pubblikazzjoni tiegħu fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea. Ir‑Regolament għandu japplika mill‑1 ta' Jannar 2022.
Lura lejn l-Arkivju