News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
11/12/2020 11:00:00
Il-Prospetti għall-Ekonomija Maltija 2020-2023
Fid‑dawl tas‑sitwazzjoni pandemika, li kompliet tiżviluppa matul dawn l‑aħħar xhur, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) jistenna li l‑prodott domestiku gross (PDG) jonqos b'7.5% din is‑sena, u sussegwentement jikber b'5.9% fl‑2021, b'4.4% fl‑2022, u b'4.2% fl‑2023. Ir‑reviżjoni 'l isfel fit‑tbassir tal‑Bank tirrifletti l‑introduzzjoni mill‑ġdid ta' miżuri ta' trażżin u sinjali mill‑ġdid ta' deterjorament fis‑sentiment tan‑negozji, li huma mistennija li jnaqqsu s‑saħħa tal‑irkupru ekonomiku globali. Madankollu, il‑Bank jistenna li l‑livelli tal‑PDG tal‑2019 jerġgħu jintlaħqu u jinqabżu fl‑2022, bil‑kundizzjoni li t‑tnedija ta' vaċċin tkun suċċess fl‑2021.
It‑tnaqqis fl‑esportazzjoni netta hu mbassar li jkun il‑kontributur ewlieni għat‑tnaqqis fil‑PDG fl‑2020, minħabba tnaqqis drastiku fid‑domanda barranija, restrizzjonijiet fuq attivitajiet relatati ma' safar, u tfixkil fil‑provvista globali. Madankollu, id‑domanda domestika hija wkoll mistennija li tikkontribwixxi b'mod negattiv, hekk kif it‑tħassir ta' diversi attivitajiet matul is‑sena u l‑livelli għoljin ta' inċertezza ħallew impatt fuq il‑konsum u l‑investiment privat. Madankollu, iż‑żieda fil‑konsum tal‑gvern parzjalment għelbet it‑tnaqqis fid‑domanda privata.
Id‑domanda domestika hi mistennija li tkun l‑istimolu ewlieni tal‑irkupru fis‑snin ta' wara, minkejja li l‑miżuri ta' għajnuna tal‑gvern mistennija li jitnaqqsu gradwalment.
Minkejja t‑tnaqqis sostanzjali fl‑2020, is‑suq tax‑xogħol s'issa wera reżiljenza notevoli. Il‑qgħad inizjalment żdied matul l‑ewwel mewġa tal‑COVID‑19, iżda imbagħad naqas, hekk kif il‑miżuri fiskali kienu ta' għajnuna kbira f'dan ir‑rigward. Għalhekk, it-tkabbir fis-suq tax-xogħol mistenni li jibqa' pożittiv fl‑2020, għalkemm ser jimmodera mill‑2019. Ir-rata tat-tkabbir fl-impjiegi hija mistennija li togħla gradwalment fis‑snin ta' wara u tilħaq it‑2.5% fl‑2023. Dan it‑tbassir jikkonstitwixxi reviżjoni 'l fuq mis‑sett preċedenti ta' tbassir.
L‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur hija mistennija li tbatti għal 0.8% din is‑sena, tnaqqis minn 1.5% fl‑2019, minħabba pressjonijiet aktar baxxi fil‑prezzijiet domestiċi u internazzjonali. Madankollu, dawn il‑pressjonijiet 'l isfel huma mtaffija parzjalment minn żidiet fl‑ispejjeż tal‑operat, fil‑kuntest ta' tfixkil fil‑provvista globali. L‑inflazzjoni mistennija li titla' għal 1.6% sal‑2023 minħabba rpiljar fl‑attività ekonomika li għandha ssostni l‑inflazzjoni tal‑prezzijiet tas‑servizzi u l‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija.
Il‑finanzi pubbliċi huma mistennija jiddeterjoraw fl‑2020 minħabba t‑tnaqqis fl‑attività ekonomika u l‑introduzzjoni ta' għajnuna fiskali relatata mal‑COVID‑19. Il‑Bank issa jbassar li l‑gvern ġenerali ser jirreġistra defiċit ta' 9.4% tal‑PDG fl‑2020, wara li rreveda t‑tbassir ekonomiku tiegħu 'l isfel minn dak li kien mistenni qabel. Fil‑baġit tiegħu għall‑2021, il‑Gvern ser jestendi xi miżuri relatati mal‑COVID‑19. Id‑defiċit huwa għalhekk mistenni jippersisti sal‑2021, għalkemm mistenni li jonqos għal 6.4%. Hekk kif l‑attività ekonomika titjieb u titnaqqas l-għajnuna relatata mal‑COVID‑19, id‑defiċit hu mistenni li jkompli jonqos għal 4.0% tal‑PDG sal‑2023. Barra minn hekk, il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern għall‑PDG hu mistenni li jitla' minn 42.6% fl‑2019 għal 60.5% sal‑2023.
Minħabba l‑inċertezza prevalenti, il‑Bank ippubblika wkoll xenarju iktar sever li fih iqis l‑effetti taż‑żamma ta' xi protokolli restrittivi tas‑saħħa lil hinn mill‑2021. F'xenarju bħal dan, it‑tnaqqis fil‑PDG jista' jilħaq id‑9.4% din is‑sena. It‑tkabbir fil‑PDG imbagħad għandu jirkupra għal 5.5% fl‑2021, qabel jerġa' jimmodera għal 3.7% u 3.6% fis‑sentejn ta' wara. F'dan ix‑xenarju, il‑livell tal‑PDG tal‑2019 jinqabeż biss fl‑2023. Barra minn hekk, id‑defiċit tal‑gvern ser jiddeterjora iktar drastikament fl‑2021 u jilħaq id‑9.8%, qabel jinżel għal 5.5% sal‑2023 filwaqt li l‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern għall‑PDG jitla' għal 68.6% sa dak iż‑żmien.
Din il‑pubblikazzjoni tinkludi tliet siltiet.
- L‑ewwel silta tikkalkula indikatur kompost li jiġbor fil‑qosor il‑miżuri tal‑COVID‑19 f'Malta, ibbażat fuq l‑Oxford COVID‑19 Government Response Tracker (OxCGRT).
- It‑tieni silta tiddeskrivi r‑raġunijiet wara r‑reżiljenza relattiva fl‑inflazzjoni matul il‑pandemija tal‑COVID‑19.
- It‑tielet silta tivvaluta l‑miri tal‑Baġit 2021 billi tiddeskrivi kif evolva t‑tbassir fiskali minn mindu faqqgħet il‑pandemija.
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju