About Us

Stemma araldika

Coat of Arms

"FIDUCIA FORTIS 1968"

L‑araldika hi sistema li permezz tagħha jitfasslu, jiġu deskritti u regolati l‑istemmi araldiċi u stemmi oħra. Din ġiet żviluppata mill‑kavallieri tal‑Kristjanità medjevali; il‑biċċa l‑kbira tas‑simboli għandhom it‑termini tekniċi tagħhom u fid‑deskrizzjoni jintużaw l‑iżjed il‑Franċiż u l‑Latin.

Biex jiġu stabbiliti l‑Istemma u l‑Appoġġi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta kien meħtieġ proċess twil li kien jinvolvi r‑reġistrazzjoni fir‑reġistri uffiċjali tal‑Kulleġġ tal‑Armi fir‑Renju Unit. Bl‑awtorità delegata lilhom mis‑Sovran sa mis‑seklu ħmistax, tliet uffiċjali tal‑Kulleġġ, imsejħa l‑Kings of Arms, jikkonċedu l‑istemmi f'dokument imsejjaħ Ittri Privattivi.

L‑Istemma Araldika tal‑Bank ġiet stabbilita permezz ta' Ittri Privattivi. Fl‑1969, applikazzjoni formali, magħrufa bħala Memorjal, ġiet sottomessa lid‑Duka ta' Norfolk, l‑Earl Marshal fil‑Kulleġġ tal‑Armi, permezz tal‑Windsor Herald of Arms, f'isem il‑Bank. Dan il‑Memorjal kien fih dettalji tal‑kostituzzjoni tal‑Bank, l‑istorja tiegħu u l‑liġi li taħtha twaqqaf.

Wara li ntlaħaq ftehim dwar id‑disinn, tħejjew l‑Ittri Privattivi fuq parċmina vellum kbira, jiġifieri parċmina fina, li fuqha jidhru l‑Istemma Rjali, l‑Istemma tal‑Kulleġġ tal‑Armi, u dik tal‑Earl Marshal. It‑test tal‑Privattiva nkiteb bl‑idejn b'ittri kbar, u fih deskrizzjoni formali tal‑Istemma Araldika tal‑Bank. Id‑dokument ġie ffirmat u ssiġillat uffiċjalment mill‑King of Arms.

Abbozz preliminari tal‑Istemma Araldika tal‑Bank tħejja mill‑pittur magħruf Malti, il‑Kavallier Emvin Cremona. Il‑Kulleġġ issuġġerixxa li jsir xi tibdil fid‑disinn oriġinali u wara verżjoni finali ntbagħtet lejn ir‑Renju Unit. L‑artist fittex li jesprimi element li jirrifletti l‑ispirtu Malti, jiġifieri, il‑kuruna tal‑ġebel fuq l‑emblema - simbolu tar‑rwol storiku ta' Malta bħala fortizza; l‑ilwien nazzjonali ta' Malta, l‑aħmar u l‑abjad, fuq it‑tarka; il‑George Cross, mogħti lil Malta għall‑qlubija f'April 1942 mir‑Re George VI u riprodott fuq it‑tarka tal‑Bank bl‑awtorità tal‑Prim Ministru ta' Malta; id‑denfil fuq ras il‑muftieħ, ħuta magħrufa fil‑letteratura klassika Mediterranja li spiss tidher bħala figura araldika ewlenija; u l‑fergħat tar‑rand u tal‑palm, simboli tal‑ġieħ u l‑paċi rispettivament, li jappoġġjaw il‑kuruna tal‑ġebel. Il‑muftieħ orizzontali fuq it‑tarka tixraq lill‑Istemma Araldika tal‑Bank li hu l‑istituzzjoni finanzjarja ewlenija f'Malta u l‑muftieħ għall‑progress u s‑sigurtà ekonomika. Id‑disinn fih ukoll il‑motto bil‑Latin, "Fiducia Fortis" ‑ "Fil‑Fiduċja l‑Qawwa," u "1968", id‑data meta twaqqaf il‑Bank.

Coat of Arms

Iż‑żewġ Kavallieri ta' Malta li jappoġġjaw l‑istemma huma karatteristika unika ta' sinifikat speċjali ħafna. L‑għoti tal‑appoġġi għall‑Istemma Araldika hu privileġġ li jiġi permess biss lil istituzzjonijiet ewlenin. Il‑Kavallieri jirrappreżentaw fiduċja u qawwa, iż‑żewġ virtujiet inkorporati fil‑motto tal‑Bank. Dawn huma wkoll simbolu ta' wħud mill‑aqwa paġni fl‑istorja militari twila ta' Malta, li għal aktar minn żewġ sekli u nofs kienet iggvernata mill‑Ordni tal‑Kavallieri ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm. L‑elmu bil‑pjuma ta' kavallier li hemm fuq it‑tarka għandu wkoll rabta speċjali ma' Malta billi tfassal fuq elmu li jinsab fuq monument ġewwa l‑Katidral ta' San Ġwann fil‑Belt Valletta, li nbena fis‑seklu sittax mill‑Kavallieri.

Il‑kopja uffiċjali tal‑Istemma Araldika tal‑Bank fiha lwien li jirriflettu l‑imgħoddi storiku ta' Malta. Il‑Kavallieri fuq iż‑żewġ naħat tat‑tarka huma blu lewn l‑azzar. Ir‑rix tal‑pjumi fuq l‑elmi taż‑żewġ Kavallieri hu aħmar u abjad, waqt li x‑xfafar, l‑imqabad u l‑pum tond tax‑xwabel kbar li jintużaw b'żewġ idejn, flimkien mal‑kurduni u l‑ġmiemel imdendlin minnhom huma lewn id‑deheb, l‑istess kulur bħal dak tal‑kuruna tal‑ġebel li hemm fuq l‑emblema.

Disinn bl‑ajad u l‑iswed tal‑Istemma Araldika ntuża għall‑ewwel darba fir‑Rapport Annwali tal‑Bank għas‑sena 1970. Pittura f'format biblijoteka tal‑verżjoni finali tal‑Istemma Araldika u l‑Appoġġi ġiet esibita waqt l‑inawgurazzjoni uffiċjali tal‑Bank fit‑13 ta' Frar 1971. Verżjoni bil‑kulur intaljata fil‑fibreglass issa tinsab imdendla fis‑Sala tal‑Bord tal‑Bank.