Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta
L‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (Kap. 204) ġie ppubblikat oriġinarjament permezz tal‑Att XXXI tal‑1967. Minn dak iż‑żmien, saru għadd ta’ emendi fl‑Att li affettwaw il‑Bank, il‑kompetenzi tiegħu, kif ukoll l‑organizzazzjoni tiegħu.
L‑Att hu mqassam kif ġej:
|
|
Artikoli
|
Taqsima I
|
Preliminari
|
1 ‑ 2
|
Taqsima II
|
Twaqqif u Tmexxija tax‑Xogħol ta’ Bank
|
3 ‑ 18
|
Taqsima III
|
Dispożizzjonijiet Finanzjarji
|
19 ‑ 22
|
Taqsima IV
|
Ġbir ta' Informazzjoni
|
23 ‑ 24
|
Taqsima V
|
Relazzjonijiet mal‑Gvern
|
25 ‑ 29
|
Taqsima VI
|
Relazzjonijiet ma’ Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u dawk Finanzjarji
|
30 ‑ 33
|
Taqsima VII
|
Xenarju tal-Pagamenti
|
34 ‑ 35
|
Taqsima VIII
|
Relazzjonijiet mal‑Awtorità Kompetenti
|
36 ‑ 38
|
Taqsima IX
|
Relazzjonijiet ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali u oħrajn
|
39 ‑ 41
|
Taqsima X
|
Flus
|
42 ‑ 55
|
Taqsima XI
|
Ġenerali
|
56 ‑ 61
|
Taqsima XII
|
Dispożizzjonijiet Transizzjonali dwar il‑Lira Maltija
|
62 ‑ 63
|
|
|
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta hu korp ġuridiku stabbilit skont l‑Artikolu 3 tal‑Att. Skont it‑termini ta’ Artikolu 4 tal‑Att, l‑għan ewlieni tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta hu li jżomm l‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta hu korp indipendenti għalkollox skont l‑Artikolu 5(2) tal‑Att, l‑Artikolu 7 tal‑Istatut tas‑SEBĊ, u l‑Artikolu 130 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea. Il‑Bank igawdi indipendenza istituzzjonali u finanzjarja, waqt li l‑Gvernaturi tiegħu jgawdu livell għoli ta’ indipendenza personali.
Permezz tal‑Artikolu 5 tal‑Att, il‑Bank għandu l‑kompiti li ġejjin:
• li jimplimenta l‑politika monetarja;
• li jżomm u jimmaniġġa l‑assi ta’ riżerva;
• li jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja;
• li jippromwovi sistema ta’ pagament soda u effiċjenti;
• li jipprovdi għaċ‑ċirkolazzjoni tal‑karti tal‑flus tal‑euro;
• li jipprovdi għaċ‑ċirkolazzjoni tal‑muniti tal‑euro maħruġa għal, u f’isem, il‑Gvern;
• li, b'mod ġenerali, jagħti pariri lill‑Gvern dwar kwistjonijiet finanzjarji u ekonomiċi;
• li jiġbor u jippubblika statistika kif ikun meħtieġ biex iwettaq il‑kompiti tiegħu.
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jaġixxi bħala bankier u konsulent tal‑gvern, iżda ma jistax jipprovdi finanzjament, kreditu jew self kurrenti la lill‑Gvern ta’ Malta u lanqas lil kwalunkwe intrapriża pubblika, kif meħtieġ mill‑projbizzjoni tal‑finanzjament monetarju stabbilita fl‑Artikolu 27 tal‑Att kif ukoll l‑Artikolu 123 (1) tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għandu wkoll relazzjonijiet diretti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji. Il‑bażi legali ta’ dawn ir‑relazzjonijiet u l‑implikazzjonijiet tagħhom huma inklużi fl‑Artikoli 30 u 31 tal‑Att. Skont id‑dispożizzjonijiet ta’ dawn l‑Artikoli, il‑Bank:
• jista’ jaġixxi bħala bankier għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;
• jista’ jaċċetta depożiti mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;
• f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jaħtar istituzzjonijiet ta’ kreditu bħala aġenti tiegħu;
• għandu jfittex kooperazzjoni u għandu jikkoopera ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;
• għandu jissorvelja u jirregola l‑operazzjoni ta’, u l‑parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament.
Barra dan, fl‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja, skont l‑Istatut tal‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑Bank hu awtorizzat li jesiġi li l‑istituzzjonijiet ta’ kreditu jiftħu u jżommu kontijiet ta’ depożitu ta’ riżerva u li jirrappurtaw dwarhom.
L‑Att jagħti wkoll is‑setgħa lill‑Bank biex jirrikjedi li l‑operaturi li jirrapportaw, li jinkludu istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji, jissottomettu dik l‑istatistika u informazzjoni ta’ xorta oħra li l‑Bank ikun jeħtieġ għat‑twettiq tad‑dmirijiet tiegħu skont l‑istess Att.
Il‑Bank ħareġ ukoll numru ta’ Direttivi tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.
Penali
Artikolu 56 tal-Att (Kap. 204) jippermetti lill-Bank jimponi penali amministrattivi fir-rigward ta' nuqqas ta' konformità mad-Direttivi tiegħu.
Awtorità Responsabbli biex timplimenta strumenti makroprudenzjali
Skont ir-Regolamenti dwar l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta (Ħatra ta' Awtorità Responsabbli biex timplimenta Strumenti Makroprudenzjali) (L.S. 204.06), il-Ministru għall-Finanzi ħatar lill-Bank bħala l-awtorità responsabbli għall-finijiet ta' implimentazzjoni ta' għadd ta' strumenti makroprudenzjali kif stipulat fid-Direttiva 2013/36/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment (magħrufin aktar bħala l-'Pakkett CRD IV'). Il-Bank huwa responsabbli biex jistabbilixxi l-bafer dwar ir-riskju sistemiku u r-rata għall-bafer kontroċikliku tal-kapital; sabiex jidentifika flimkien mal-awtorità kompetenti (l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta), istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħra (O-SII); u biex jiġu identifikati bidliet fl-intensità tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku fis-sistema finanzjarja li jwasslu għall-adozzjoni tal-miżuri makroprudenzjali meħtieġa.
Awtorità Superviżorja tal-Aġenziji ta' Referenza tal-Kreditu
F’termini tal‑Artikolu 24A tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (Kap. 204), il‑Bank inħatar bħala l‑Awtorità Superviżorja tal‑aġenziji ta’ referenza tal‑kreditu liċenzjati taħt ir‑Regolamenti dwar il‑Liċenzji tal‑Kummerċ (L.S.441.07). Il‑poteri superviżorji tal‑Bank ser jinkludu spezzjonijiet mhux fuq il‑post u kif ukoll fuq il‑post fl-uffiċċji tal‑aġenzija ta’ referenza tal‑kreditu, u kwalunkwe fergħa, aġent jew uffiċċju li jipprovdu attivitajiet liċenzjati taħt ir‑responsabbiltà tal‑aġenzija ta’ referenza tal‑kreditu. Il‑Bank jista’ joħroġ, jemenda jew jirrevoka direttivi kif iqis xieraq għat‑twettiq ta’ dan il‑kompitu.