Victor-Pasmore

Il-Victor Pasmore Gallery

Fl‑2014, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta u l‑Victor Pasmore Foundation waqqfu l‑Victor Pasmore Gallery, wirja permanenti tax‑xogħlijiet ta’ Victor Pasmore, bħala proġett kollaborattiv ġewwa l‑ħitan storiċi tal‑Belt Valletta, li nfetħet uffiċjalment għall‑pubbliku fit‑3 ta’ Novembru 2014. F’Settembru 2015, il‑gallerija għaddiet taħt il‑maniġment tal‑Fondazzjoni Patrimonju Malti, bl‑intenzjoni li jinxteħet aktar dawl fuq l‑importanza ta’ Pasmore u l‑moviment tal‑arti moderna Maltija.

Fil‑Victor Pasmore Gallery hemm għall‑wiri xogħlijiet tapitturi u kostruzzjonijiet maħluqa tul iż‑żmien li Victor Pasmore (1908‑1998) qatta f'Malta, flimkien ma' għadd żgħir ta' xogħlijiet maħluqa ftit snin qabel. Ix‑xogħlijiet artistiċi esibiti, li kienu miżmuma għand l‑artist, instabu fid‑dar tiegħu fil‑Gudja (Malta) u fid‑dar tiegħu fi Blackheath ġewwa Londra. Kultant kienu jitfaċċaw xi wħud minnhom f'esibizzjonijiet, iżda din hi l‑ewwel gallerija li qed tippreżenta selezzjoni vasta tal‑kollezzjoni personali tal‑artista. L‑esebizzjoni tippermetti li wieħed jifhem aħjar lil Victor Pasmore permezz ta’ għażla ta’ pitturi u kostruzzjonijiet li jirriflettu d‑dedikazzjoni tal‑artista għall‑arti astratta matul is‑snin.

Il‑Victor Pasmore Foundation twaqqfet fl‑2012 għall‑konservazzjoni u l‑promozzjoni tax‑xogħol artistiku ta Victor Pasmore bħala xhieda sinifikanti tal‑arti tas‑seklu għoxrin u bħala element importanti tal‑patrimonju artistiku Malti. Il‑Fondazzjoni taħdem ukoll biex tippromwovi aktar studju u riċerka dwar l‑artist, il‑ħajja u x‑xogħlijiet tiegħu.

Fil‑kollezzjoni tiegħu, il‑Bank Ċentrali ta Malta għandu erba xogħlijiet ta’ Victor Pasmore. Bħala patrun korporattiv ewlieni tax‑xogħlijiet ta' Victor Pasmore f'Malta, il‑Bank Ċentrali ta Malta hu kburi li qed jospita l‑Victor Pasmore Gallery ġewwa l‑bini storiku tiegħu, fil‑Polverista Gallery, u li qed jippreżenta l‑ħajja u x‑xogħlijiet ta' Pasmore lill‑pubbliku.

Il‑Fondazzjoni Patrimonju Malti, imwaqqfa f’Jannar 1992, hija organizzazzjoni mhux bi skop ta’ qligħ u li għandha l‑għan li xxerred l‑għarfien dwar il‑wirt estensiv tal‑gżira fuq livell lokali u kif ukoll internazzjonali, permezz tal‑mużewijiet, esebizzjonijiet u pubblikazzjonijiet.

Ħinijiet tal-Ftuħ: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn il-11 a.m. u t-3 p.m.

Programm ta' lekċers fil-Victor Pasmore Gallery

Għal iżjed informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattjana bl‑e-mail jew ċempel fuq (+356) 2550 3360.

Agħfas hawn biex taċċessa s-sit elettroniku tal-Victor Pasmore Gallery.

Tista' taċċessa l-paġna ta' Facebook dwar il-Victor Pasmore Gallery hawnhekk, jew issegwi l-attivitajiet tal-gallery fuq Instagram.

Fondazzjoni Patrimonju Malti

Agħfas hawn biex taċċessa s-sit elettroniku tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti, jew segwi l-Patrimonju fuq Facebook u Instagram.