News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
20/11/2026 20:30:00
Il-Gvernatur Demarco jwissi kontra l-kompjaċenza fir-rigward tat-trasformazzjoni ekonomika waqt l-Ikla Annwali tal-IFS
Fid-diskors waqt l-Ikla Annwali tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, il-Gvernatur enfasizza li l-inċertezza globali għadha għolja wara sensiela ta' avvenimenti fil-perjodu ta' wara l-pandemija li ħarbtu s-swieq tal-enerġija u żiedu r-riskji għall-inflazzjoni, li qegħdin iwasslu wkoll għal inkwiet soċjali.
Filwaqt li l-politika tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli kienet ipproteġiet lill-familji u lin-negozji, is-Sur Demarco saħaq li "il-fatt li aħna protetti ma jfissirx li pajjiżna huwa iżolat minn dawn l-avvenimenti globali jew li ma jintlaqatx minnhom". Spejjeż ogħla tal-importazzjoni u tat-trasport, domanda barranija aktar dgħajfa, u l-ispejjeż marbuta mas-sapport għall-prezzijiet tal-enerġija għadhom jaffettwaw l-inflazzjoni lokali, it-tkabbir ekonomiku, il-finanzi pubbliċi, u l-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiż.
Madankollu, Malta wriet reżiljenza konsiderevoli, bit-tkabbir ekonomiku jibqa' b'saħħtu, surplus fil-bilanċ tal-pagamenti, spazju fiskali suffiċjenti, u sistema finanzjarja soda.
Iżda l-Gvernatur wissa kontra l-kompjaċenza li dan jista' joħloq. B'ħarsa 'l quddiem, il-Gvernatur osserva li fuq livell nazzjonali qiegħed jikber il-kunsens li Malta għandha tiddependi inqas fuq iż-żieda fin-numru ta' ħaddiema u aktar fuq tkabbir fis-settur privat xprunat mill-produttività. Dan jista' jinkiseb permezz ta' investiment aktar intelliġenti biex jittejbu l-proċessi tal-produzzjoni u permezz ta' bidla lejn attivitajiet li jirrikjedu inqas ħaddiema, b'konformità mal-miżuri fiskali reċenti mfassla biex jissostitwixxu l-ħtieġa għal aktar ħaddiema bil-kapital.
It-teknoloġija, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, tista' tgħin f'dan il-proċess ta' trasformazzjoni ekonomika. Madankollu, "ix-xiri ta' għodod ġodda, waħdu ma jżidx il-produttività". Huma meħtieġa wkoll bidliet fil-prattiċi tax-xogħol u l-investiment fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, flimkien ma' sistema b'saħħitha ta' protezzjoni soċjali biex tgħin lil dawk li jistgħu jintlaqtu ħażin minn din it-trasformazzjoni.
Finanzi pubbliċi sodi u investiment fit-trasport, l-enerġija, l-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u l-konnettività diġitali huma wkoll essenzjali biex titjieb il-produttività. Il-Gvernatur sostna li, għalkemm il-pożizzjoni fiskali ta' Malta baqgħet soda, sussidji mifruxa u għal żmien indefinit għandhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi u jirrikjedu għażliet fiskali iebsa. Fakkar li s-sussidji għandhom ikunu "f'waqthom, immirati u temporanji", filwaqt li appella għal kawtela u reqqa kbira fit-tfassil ta' strateġija biex noħorġu mill-ħtieġa tagħhom.
Ekonomija produttiva teħtieġ ukoll sistema finanzjarja soda u reżiljenti. Għalkemm il-banek lokali għadhom b'livell ta' kapital tajjeb, għandhom likwidità għolja, u huma profittabbli, b'assi ta' kwalità tajba, is-Sur Demarco wissa kontra l-kompjaċenza, peress li "mudell ta' negozju li llum jista' jkun sikur u profittabbli, ma jfissirx neċessarjament li jibqa' adattat għall-ħtiġijiet futuri ta' Malta."
Il-kreditu bankarju kien qed jikber aktar mill-prodott domestiku gross (PDG), bis-self fuq ix-xiri ta' proprjetà u s-self lis-setturi tal-kostruzzjoni, u tal-akkomodazzjoni jammontaw għal kważi tliet kwarti tas-self lil residenti. Din il-konċentrazzjoni fis-self bankarju u fis-suq kapitali mhijiex konformi max-xewqa li l-ekonomija ssir aktar diġitali u tiddependi inqas fuq ekonomija li tirrikjedi ħafna aktar ħaddiema.
Is-Sur Demarco tenna mill-ġdid l-impenn tal-Bank lejn il-mandat tiegħu kemm tal-istabbiltà fil-prezzijiet kif ukoll tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja. Dawn jirrikjedu standards rigorużi fl-għoti tal-kreditu u miżuri bbażati fuq min jissellef li jipproteġu kemm lil min isellef kif ukoll lil min jissellef minn livell ta' dejn eċċessiv. Il-Bank jibqa' lest biex jaġixxi fi ħdan il-mandat tiegħu biex ikattar inċentivi għas-settur finanzjarju biex jiffinanzja t-trasformazzjoni ekonomika ta' Malta.
Ikkonkluda li filwaqt li Malta "bħalissa qiegħda tbaħħar f'ambjent internazzjonali turbolenti ħafna", qiegħda "tibda minn pożizzjoni ta' saħħa fir-reżiljenza ekonomika, l-ispazju fiskali, u s-solidità tas-sistema finanzjarja". Filwaqt li dan ma jfissirx li ma tibdel xejn tibqa' l-aħjar għażla, lanqas ma jimplika ħtieġa għal xi rivoluzzjoni radikali għall-ekonomija Maltija.
Aqra
d-diskors
sħiħ.

Lura lejn l-Arkivju