News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
27/10/2026 14:20:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-raba’ edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2026
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fit-tielet kwart tal‑2026 ħafna min-negozji mistħarrġa komplew jinnutaw kundizzjonijiet stabbli jew li qed jitjiebu, iżda l-bilanċ nett ta' dawk li rrappurtaw titjib fil-kundizzjonijiet attwali naqas għal 37% minn 41% fil-kwart ta' qabel. Fost is-setturi mistħarrġa, is-settur tal-manifattura kellu l-akbar proporzjon nett ta' negozji li rrappurtaw tkabbir fl-attività.1
L-aspettattivi għall-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin naqsu wkoll bi ftit, b'41% netti tan-negozji jantiċipaw żieda fl-attività, inqas minn 49% fil-kwart ta' qabel. Is-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà rrapporta l-aktar prospetti favorevoli, segwit mis-settur tas-servizzi. L-aspettattivi fis-settur tal-manifattura, kif ukoll dawk tal-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut, kienu aktar kawti.
F'dan id-djalogu, il-proporzjon nett tan-negozji li rrapportaw pressjonijiet ogħla fuq l-ispejjeż naqas bi ftit għal 81%. Min-naħa l-oħra, il-bilanċ nett tan-negozji li fil-fatt għollew il-prezzijiet tal-bejgħ, żdied marġinalment u laħaq it-42%. Dan jindika li diversi negozji x'aktarx qegħdin jassorbu huma ż-żidiet fl-ispejjeż minflok ma jgħadduhom lill-konsumatur permezz ta' prezzijiet ogħla.

Il-proporzjon nett tan-negozji li għandhom l‑intenzjoni li jżidu l‑investiment naqas minn 27% għal 15% matul it-tielet kwart tas-sena, bl-investiment ikun xprunat prinċipalment minn diversifikazzjoni u żidiet fl‑effiċjenza. It-tweġibiet miġbura fl-aħħar djalogu jindikaw ritmu pożittiv fil-ħolqien tal-impjiegi, għalkemm b'ritmu kemxejn aktar kajman meta mqabbel mal-kwart ta' qabel.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi silta li tanalizza l-aspettattivi tan-negozji dwar l-ispejjeż matul l-aħħar ftit snin.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod interattiv permezz ta'
dashboard iddedikat.
1 Il‑fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju