News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
20/08/2026 09:00:00
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali - 2026-2028
It-tkabbir mistenni jibqa' reżiljenti
Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank, il‑prospetti għat‑tkabbir ekonomiku huma mistennija li jibqgħu robusti bit‑tkabbir fil-PDG ipproġettat għal 3.8% fl‑2026, 3.6% fl‑2027 u 3.8% fl‑2028. It-tkabbir huwa mistenni li jkun xprunat mill-konsum privat li huwa previst li jkompli jikber b'ritmu b'saħħtu. Meta mqabbel mat-tbassir ekonomiku preċedenti tal-Bank, it-tkabbir previst fil-PDG ġie rivedut 'il fuq b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2026.
L-inflazzjoni annwali tal-HICP hija mbassra li tkun 2.2% fl-2026, inqas minn 2.4% kif kienet fl-2025. Dan jirrifletti t-tnaqqis riċenti fl-inflazzjoni tal-ikel. L-inflazzjoni mistennija tiżdied ftit fl-2027 minħabba pressjonijiet inflazzjonarji li jirriżultaw minn tensjonijiet ġeopolitiċi u xkiel relatat mal-provvisti mil-Lvant Nofsani. L-inflazzjoni HICP hija mistennija li tbatti għal 2.2% sal-2028. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP ġiet riveduta 'l isfel b'0.2 ta' punt perċentwali fl-2026, u b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2027.
Id-defiċit tal-Gvern mistenni li jkompli jonqos minn 2.2% tal-PDG fl-2026 għal 1.6% fl-2028. Il-proporzjon tad-dejn fil-PDG mistenni li jkompli jonqos mil-livell tiegħu fl-2025 għal 46.1% fl-2026 u eventwalment għal 44.2% sal-2028.
Ir-riskji għall-attività huma pjuttost ibbilanċjati. Ir-riskji negattivi fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-inċertezza dwar it-tul ta' żmien u l-intensità tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani u l-ostakli relatati mal-provvista. Madankollu, it-tkabbir fil-konsum privat jista' jaqbeż l-aspettattivi jekk l-impjiegi jew il-pagi jkunu aktar b'saħħithom milli mistenni.
Ir-riskji għall-inflazzjoni jxaqilbu 'l fuq fil-perjodu ta' tbassir minħabba r-riskju ta' inflazzjoni ogħla minn dik prevista fis-settur tas-servizzi u l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni mhux tal-enerġija, relatati mal-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi (żieda fid-defiċit). Dan jirrifletti r-riskju ta' żieda iktar milli mistennija fin-nefqa kurrenti, b'mod partikolari minħabba l-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija.
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju