News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
04/08/2026 08:05:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-istħarriġ tal-BĊE dwar id-disinn tal-karti tal-flus futuri tal-euro
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jipparteċipa fl‑istħarriġ tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar id‑disinn tas-serje li jmiss tal‑karti tal‑flus tal‑euro u biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar id‑dehra futura tal‑munita unika Ewropea.
Fit-23 ta' Lulju, il-BĊE żvela l-proposti tad-disinji li ġew inklużi fil-lista finali għas-serje futura tal-karti tal-flus tal-euro. Dan hu pass importanti fl-ewwel tfassil mill-ġdid komplet tal-karti tal-flus tal-euro mill-introduzzjoni tagħhom fl-2002. L-għaxar proposti magħżula huma bbażati fuq żewġ temi magħżula wara konsultazzjoni estensiva madwar l-Ewropa: "Kultura Ewropea" u "Xmajjar u Għasafar".
Il-BĊE nieda dan l-istħarriġ online sabiex iċ-ċittadini madwar l-Ewropa jistgħu jesprimu l-preferenzi tagħhom dwar id-disinji proposti. L-istħarriġ ser jibqa' miftuħ sal-21 ta' Settembru 2026 u jifforma parti importanti mill-impenn tal-Eurosistema sabiex jiġi żgurat li l-karti tal-flus tal-euro futuri jirriflettu l-valuri, l-identità u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej. Dan isaħħaħ ukoll l-impenn tal-BĊE lejn l-użu tal-flus kontanti.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jħeġġeġ ħafna lir‑residenti f'pajjiżna sabiex jieħdu sehem f'din il‑konsultazzjoni u jaħtfu l‑opportunità sabiex jikkontribwixxu direttament għal deċiżjoni li ser issawwar id‑dehra tal‑karti tal‑flus tal‑euro għas‑snin li ġejjin. Il-kontribut tal-pubbliku ser ikollu rwol importanti biex jgħin lill-BĊE jiddetermina liema kunċett ta' disinn jolqot l-aktar liċ-ċittadini madwar iż-żona tal-euro.

"Il-karti tal-flus tal-euro huma simbolu tanġibbli tal-identità Ewropea kondiviża tagħna u jintużaw minn miljuni ta' nies kuljum. Permezz ta' dan l-istħarriġ, iċ-ċittadini għandhom opportunità unika biex jgħinu fit-tfassil futur tal-euro u jiżguraw li dan ikompli jirrifletti l-valuri u d-diversità tal-Ewropa. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa", qal il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta Alexander Demarco.
Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku hija element ewlieni tal-proċess ta' tfassil mill-ġdid tal-karti tal-flus. Qabel ma jieħu deċiżjoni finali dwar id-disinn futur tal-karti tal-flus, il-BĊE ser iqis ir-riżultati tal-istħarriġ pubbliku flimkien mar-rispons miġbur permezz ta' stħarriġ rappreżentattiv separat li sar fil-pajjiżi taż-żona tal-euro, l-evalwazzjonijiet tekniċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ġurija tal-Kompetizzjoni tad-Disinn. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE mistenni jieħu din id-deċiżjoni lejn l-aħħar ta' din is-sena.
L-inizjattiva ta' tfassil mill-ġdid tal-karti tal-flus għandha l-għan li tiżgura li l-karti tal-flus tal-euro jibqgħu siguri, aċċessibbli u sostenibbli. Il-karti tal-flus tal-futur ser jinkorporaw karatteristiċi msaħħin ta' sigurtà biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, itejbu l-aċċessibilità għal kulħadd, inklużi persuni b'vista batuta, u jappoġġjaw is-sostenibbiltà ambjentali permezz ta' materjal li jtul iż-żmien u proċessi ta' produzzjoni aħjar.
L-istħarriġ jinsab f'diversi lingwi u jista' jiġi aċċessat
hawn. It-tlestija tiegħu tieħu biss ftit minuti.
Lura lejn l-Arkivju