News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

03/08/2026 11:59:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa f’taħdita dwar il-litteriżmu ekonomiku u finanzjarju għaż-żgħażagħ

Fit‑28 ta' Lulju, il-Kap Ekonomista tal‑Bank, Dr Aaron G. Grech, ipparteċipa f'taħdita dwar il‑litteriżmu ekonomiku u finanzjarju għaż‑żgħażagħ.

Il-finanzi u l-ekonomija huma fil-qalba tat-tħassib u l-opportunitajiet taż-żgħażagħ. Kemm jekk qegħdin nitkellmu dwar ix-xogħol, l-akkomodazzjoni jew sempliċement ir-rikreazzjoni, l-importanza tal-finanzi fil-ħajja taż-żgħażagħ ma tistax tiġi injorata. L-ekonomija, min-naħa l-oħra, għandha wkoll dimensjoni soċjali u politika importanti. Il-mudell ekonomiku magħżul, il-kwalità tal-ħajja, u l-mod kif il-flus jitqassmu fis-soċjetà kollha jħallu impatt fuq il-ħajja taż-żgħażagħ.

Dawn kienu s-suġġetti ewlenin diskussi f'taħdita organizzata mill-grupp Żgħażagħ għall-Bidla, pjattaforma indipendenti mmexxija miż-żgħażagħ f'Malta ddedikata għall-għoti tas-setgħa lill-ġenerazzjoni li jmiss taċ-ċittadini Maltin.

Taħdita dwar il-litteriżmu ekonomiku u finanzjarju għaż-żgħażagħ

Is-Sur Frederick Aquilina u Dr Aaron G. Grech

It-taħdita kienet indirizzata wkoll mis-Sur Frederick Aquilina (accountant u mexxej tal-minoranza fil-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa). Flimkien, Dr Grech u s-Sur Aquilina qasmu għarfien u perspettivi importanti mfassla għall-udjenza preżenti. It-taħdita kienet waħda interattiva ħafna u qanqlet diversi mistoqsijiet u diskussjonijiet importanti. Il-laqgħa saret b'kollaborazzjoni mal-Kunsill lokali tal-Mosta.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' impenjat li jkompli jsaħħaħ il‑litteriżmu ekonomiku u finanzjarju f'Malta.

Ritratt tal-Grupp

Ritratti: Żgħażagħ għall-Bidla

Lura lejn l-Arkivju