News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

22/06/2026 10:48:00

Is-sistema finanzjarja Maltija tibqa’ reżiljenti fost ir-riskji globali li qed jevolvu

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t-tmintax-il edizzjoni tar-Rapport annwali dwar l-Istabbiltà Finanzjarja li jkopri żviluppi li seħħew fl-2025. Il‑pubblikazzjoni tezamina r‑reżiljenza tas‑sistema finanzjarja Maltija f'xenarju estern ta' sfida, filwaqt li tqis li l‑kundizzjonijiet makrofinanzjarji domestiċi baqgħu sodi.

Ir-Rapport jenfasizza li, minkejja dawn l‑ostakli, l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'mod qawwi, u aktar miż‑żona tal‑euro. Filwaqt li l‑inflazzjoni baqgħet ġeneralment stabbli f'Malta, kienet marġinalment ogħla mill‑medja taż‑żona tal‑euro. L-inflazzjoni fiż-żona tal-euro kompliet tbatti, sostnuta minn pressjonijiet esterni iżjed baxxi fuq il-prezzijiet, filwaqt li f'Malta l-inflazzjoni kienet xprunata l-aktar mill-ispejjeż relatati mal-ikel, is-servizzi u spejjeż relatati mal-pagi. Il-prospettiva għall-inflazzjoni tibqa' soġġetta għal riskji li jxaqilbu lejn żieda, marbuta ma' żviluppi ġeopolitiċi, tfixkil fil-provvista, u l-volatilità fis-swieq tal-enerġija u l-komoditajiet.

Is‑settur bankarju domestiku baqa' reżiljenti matul l‑istess perjodu, bil‑banek ikomplu jżommu qagħda b'saħħitha tal-kapital u l-likwidità. Ir‑Rapport jinnota wkoll aktar titjib fil‑kwalità tal‑assi, u jenfasizza s‑solidità u r‑reżiljenza ġenerali tas‑settur. L‑iżviluppi fil‑profittabbiltà kienu mħallta, bil-qligħ ġenerali xprunat mill‑irkupru ta' banek internazzjonali. Dan filwaqt li kemm il‑banek domestiċi ewlenin kif ukoll dawk mhux ewlenin irreġistraw xi tnaqqis minħabba dħul nett mill‑imgħax aktar baxx u żidiet fl-ispejjeż. It‑tkabbir tas-self minn residenti f'Malta kompla jiżdied, xprunat minn self sostnut għal xiri ta' proprjetà residenzjali u tkabbir b'saħħtu u mifrux fis‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji. Filwaqt li dan sostna l-attività ekonomika, ir-riskji ta' konċentrazzjoni komplew jizdiedu, speċjalment f'attività relatata mal-proprjetà, li tindika fażi espansjonarja fiċ-ċiklu tas-self.

Is-settur finanzjarju mhux bankarju kompla jespandi, sostnut minn żviluppi kemm fis-setturi tal-assigurazzjoni kif ukoll f'dawk tal-fondi ta' investiment. In-negozji rreġistraw tkabbir fil-karta tal-bilanċ, bl-andament aktar b'saħħtu fis-settur tal-assikurazzjoni ġenerali, filwaqt li l-assiguraturi tas-settur tal-ħajja bbenefikaw minn żieda fid-domanda għal prodotti unit-linked u index-linked. Il-fondi ta' investiment irreġistraw tkabbir moderat, bl-allokazzjonijiet tal-portafoll jimxu lejn stocks u bonds aktar diversifikati. Minkejja xi moderazzjoni fil-profittabbiltà, iż-żewġ setturi żammew pożizzjonijiet sodi ta' likwidità u livell baxx ta' dejn, filwaqt li baqgħu f'pożizzjoni tajba biex jifilħu għall-volatilità tas-suq.

Il-pubblikazzjoni tinkludi diversi artikli dwar materji makroprudenzjali. Dawn jinkludu heatmap tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, li tappoġġa l-identifikazzjoni bikrija u l-prijoritizzazzjoni ta ' riskji sistemiċi emerġenti, kif ukoll ir-riżultati mill-Istħarriġ tal-2025 fuq is-self tal-banek. Artikli oħra jeżaminaw l-investimenti tal-banek f'bonds tal-gvern, is-sejbiet mill-Istħarriġ dwar il-Perċezzjonijiet tar-Riskju Sistemiku, u rfinar fil-qafas tal-istress tests tal-Bank. Ir‑Rapport jinkludi wkoll analiżi preliminari tad‑data tat‑TARGET2 u l‑użu potenzjali tagħha fl‑identifikazzjoni ta' riskji ċibernetici.

Lura lejn l-Arkivju