News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

17/06/2026 08:49:00

It-Tbassir tal-Bank Ċentrali - 2026-2028

It-tkabbir mistenni jibqa’ reżiljenti minkejja l-inċertezza globali

Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) reali ta' Malta huwa mistenni li jkun 3.7%, 3.6% u 3.8% tul il-perjodu 2026-2028. Meta mqabbel mat-tbassir ekonomiku tal-Bank ta' qabel, it-tkabbir previst fil-PDG ġie rivedut 'l isfel b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2027 u rivedut 'il fuq b'0.1 ta' punt perċentwali fl-2028.

F'kuntest globali inċert minħabba l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, l-ekonomija Maltija mistennija tibqa' reżiljenti għal-effetti li dan jista' jkollu fl-2026. Madankollu, huwa previst li l-impatt tal-konflitt fuq il-PDG u l-prezzijiet jinħass marġinalment fl-2027.

It-tkabbir ekonomiku matul il-perjodu tat-tbassir huwa mistenni li jkun xprunat mill-konsum privat, li għandu jkompli jikber b'ritmu mgħaġġel, parzjalment sostnut minn tibdil riċenti fil-kategoriji tat-taxxi fuq id-dħul.

It-tkabbir fl-impjiegi mistenni jimmodera gradwalment għal 2.3% sal-2028. Ir-rata tal-qgħad mistennija li tonqos bi ftit għal 2.9% matul il-perjodu tat-tbassir.

It-tkabbir fil-pagi mistenni li jibqa' b'saħħtu, xprunat minn skarsezza ta' ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Dan mistenni li jimmodera għal 3.9% fl-2028 minn 4.2% s-sena l-oħra.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) hija mistennija li tiġi affettwata mill-gwerra fil-Lvant Nofsani, l-iżjed minħabba żieda fil-prezzijiet ta' prodotti importati, speċjalment il-merkanzija u l-prodotti tal-ikel. Dan hekk kif is-sostenn fiskali għandu jkompli jevita li x-xokk fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija jwasslu għal żidiet fil-prezzijiet domestiċi tal-enerġija. Għalhekk, l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP mistennija tiżdied għal 2.5% fl-2026 u tibqa' f'dak il-livell fl-2027. Din mistennija tbatti għal 2.2% fl-2028, l-aktar minħabba inflazzjoni iktar baxxa fis-servizzi u fil-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP ġiet riveduta 'l fuq b'0.2 ta' punt perċentwali fl-2026 u fl-2028 u b'0.4 ta' punt perċentwali fl-2027.

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG huwa mistenni li jkompli jonqos matul il-perjodu ta' tbassir, għalkemm b'mod aktar gradwali. Hu mistenni li jonqos għal 1.9% fl-2026, għal 1.7% fl-2027 u għal 1.6% sal-2028. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jkompli jonqos għal 46.4% fl-2025, għal 46.0% fl-2026 u sussegwentement għal 44.1% fl-2028.

Ir-riskji għat-tkabbir huma ta' xejra negattiva. Dawn ir-riskji primarjament jirriżultaw mill-inċertezza dwar it-tul u l-intensità tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani, li tista' twassal għal xenarju estern aktar dgħajjef u għalhekk domanda barranija aktar baxxa. Diffikultajiet fl-Istrett ta' Hormuz qajmu wkoll tħassib dwar in-nuqqas ta' fjuwil fil-pajjiżi sħab kummerċjali li jista' jkollu impatt negattiv fuq it-turiżmu, l-avjazzjoni u l-industrija marittima. Madankollu, dan ir-riskju negattiv għat-turiżmu jista' potenzjalment jittaffa mir-ridirezzjonar tat-turisti lejn destinazzjonijiet aktar sikuri bħall-Mediterran ċentrali u tal-punent.

Ir-riskji għall-inflazzjoni jxeqilbu 'l fuq matul il-perjodu tat-tbassir. Ir-riskji ta' inflazzjoni ogħla primarjament jirriflettu tfixkil aktar b'saħħtu fis-swieq tal-enerġija milli wieħed jista' jassumi. Għalkemm l-impatt dirett fuq il-prezzijiet domestiċi tal-enerġija għadu qed jittaffa permezz tal-impenn tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet fissi tal-enerġija, żieda fil-prezzijiet globali tal-enerġija aktar milli mistenni tista' twassal għal inflazzjoni importata aktar b'saħħitha. Dan jista' jkompli jsaħħaħ l-effetti indiretti fuq il-pagi u l-marġni tal-qligħ. L-inflazzjoni tista' tkun ukoll ogħla milli mistenni jekk it-tfixkil fil-provvista jinfirex fis-swieq mhux tal-enerġija, għalkemm provvisti alternattivi minn reġjuni oħra jistgħu jtaffu dan l-effett.

Min-naħa fiskali, l-akbar riskji huma meqjusa negattivi (żieda fid-defiċit). Dawn fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-possibbiltà ta' nfiq ogħla milli mistenni, speċjalment rigward il-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija jekk il-prezzijiet tal-materja prima jkunu ogħla milli mistenni. Dawn ir-riskji huma parzjalment mitigati mill-probabbiltà ta' żidiet ogħla milli mbassra fid-dħul mit-taxxi, minħabba titjib addizzjonali fl-amministrazzjoni tat-taxxa.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi żewġ siltiet. L-ewwel silta tħares lejn l-impatt fiskali u makroekonomiku tal-miżuri ta' appoġġ tal-gvern wara l-kunflitt bejn l-Istati Uniti u l-Iran. It-tieni silta tanalizza t-tbassir taħt xenarji alternattivi tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

L-Aħħar Tbassir

Lura lejn l-Arkivju