News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

08/05/2026 08:30:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa f’Konferenza Nazzjonali li tiċċelebra 70 sena ta’ Sigurtà Soċjali f’Malta

Fis‑7 ta' Mejju, il-Kap Ekonomista tal‑Bank, Dr Aaron G. Grech, ipparteċipa f'konferenza nazzjonali li tfakkar is‑70 anniversarju mit‑twaqqif tas‑sistema tas‑Sigurtà Soċjali ta' Malta. 

Dr Aaron G. Grech ipparteċipa f'konferenza nazzjonali

Din il-konferenza li saret fir-Rabat, laqqgħet flimkien akkademiċi, esperti tal-politika soċjali, partijiet interessati u uffiċjali għolja tal-Gvern.

Dr Grech kien parteċipant fid-diskussjoni tal-panel li evalwa l-isfidi attwali tas-sistemi ta' benefiċċji f'Malta. Intalab jippreżenta evidenza dwar l-innovazzjonijiet riċenti fil-politika tal-pensjonijiet, il-benefiċċji fl-età tax-xogħol, il-benefiċċji għat-tfal u miżuri oħra għat-tnaqqis tal-faqar. Il‑kontribut tiegħu ffoka fuq ir‑riċerka tal‑passat imwettqa mill-impjegati tal‑Bank u r‑riżultati li s'issa għadhom ma ġewx ippubblikati u li eventwalment ser jidhru fil‑pubblikazzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. 

Dr Grech kien parteċipant fid-diskussjoni tal-panel

Il-Kap Ekonomista tal-Bank intalab ukoll jiddiskuti kif l-aħjar li s-sistema attwali tista' tibqa' sostenibbli fis-snin li ġejjin mingħajr ma titnaqqas l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Abbażi tal-esperjenza internazzjonali tiegħu, Dr Grech identifika numru ta' għażliet, primarjament iffukati fuq il-ħtieġa li jitjiebu aktar l-inċentivi għax-xogħol b'mod partikolari fost persuni akbar fl-età.

Lura lejn l-Arkivju