News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
29/04/2026 08:03:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2026
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li, fl-ewwel kwart tal‑2026, ħafna min-negozji mistħarrġa nnutaw kundizzjonijiet stabbli jew li qed jitjiebu, għalkemm il-bilanċ nett li jirrapporta titjib naqas minn 52% fil-kwart ta' qabel għal 33%.1
Il-kumpaniji fis-settur tas-servizzi kienu l-aktar probabbli li jirrappurtaw tkabbir fl-attività għalkemm dawn naqsu ftit mill-kwart ta' qabel. Il-kundizzjonijiet tjiebu fis-settur tal-manifattura. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà, kif ukoll dawk tas-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, kienu aktar predisposti minn qabel li jaraw stabbiltà flok titjib.
Minkejja ż-żieda fl-inċertezza globali, l-aspettattivi għall-attività kummerċjali fiż-żmien li ġej tjiebu, bi 42% tal-kumpaniji netti jantiċipaw attività ogħla, żieda minn 19% fil-kwart ta' qabel. Dan l-ottimiżmu jidher li huwa l-aktar wieħed b'saħħtu osservat fi kważi sentejn. Is-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà juri l-aktar prospetti favorevoli, segwit mill-qrib mis-settur tas-servizzi. B'mod ġenerali s-settur tal-kummerċ jibqa' ottimist, iżda l-inċertezza qiegħda ċċajpar xi ftit il-prospetti, filwaqt li l-ottimiżmu fost il-kumpaniji tal-manifattura kien limitat.


Fil-kwart li qed jiġi analizzat, il-proporzjon tal‑kumpaniji li rrappurtaw pressjonijiet ogħla fuq l‑ispejjeż żdied marġinalment. Dawn il-pressjonijiet fuq l-ispejjeż kienu moderati jew għolja. Bl-istess mod, kien hemm żieda fil-bilanċ nett tal-kumpaniji li jgħollu l-prezzijiet.
Il-proporzjon nett tan-negozji li biħsiebhom iżidu l-investimenti żdied bi ftit, bl-investiment xprunat l-aktar mill-infiq kapitali u d-diversifikazzjoni. It-tweġibiet miġbura fl-aħħar djalogu jissuġġerixxu wkoll ritmu pożittiv fil-ħolqien tal-impjiegi, b'titjib innutat mill-kwart ta' qabel.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi silta li tiffoka fuq l-għarfien inizjali tal-kumpaniji dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Dawn il-perspettivi inizjali jindikaw li l-kunflitt s'issa kellu impatt limitat fuq l-operat tal-kumpaniji, iżda dawk li wieġbu nnutaw li eskalazzjoni fit-tul tista' twassal għal dewmien fit-trasport tal-merkanzija u nuqqas ta' ħażniet. Madankollu f'xi setturi bħat-turiżmu, il-kunflitt irriżulta f'attività ogħla, filwaqt li xi wħud minn dawk li wieġbu nnutaw li Malta jista' jkollha opportunità li tattira investiment li altrimenti jkun indirizzat lejn il-Lvant Nofsani.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod interattiv permezz ta'
dashboard iddedikat.
1 Il‑fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju