News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

24/04/2026 11:08:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jniedi r‑Rapport Annwali għall-2025

Fl-24 ta' April 2026, il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda formalment ir‑Rapport Annwali tiegħu għas-sena 2025 f'Binja Laparelli fil‑Belt Valletta. L-avveniment kien jinkludi indirizzi mill-Gvernatur, is-Sur Alexander Demarco, il-Kap Ekonomista, Dr Aaron Grech, id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Sur Oliver Bonello, u d-Deputat Gvernatur għall-Politika Monetarja, is-Sinjura Rita Schembri.

Family Photo
Mix-Xellug: Il-Kap Ekonomista Dr Aaron G. Grech, id-Deputat Gvernatur Rita Schembri,
il-Gvernatur Alexander Demarco u d-Deputat Gvernatur Oliver Bonello

Ritratt: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta

Ir‑Rapport Annwali għall‑2025 jevalwa b'mod komprensiv u dettaljat l‑iżviluppi ekonomiċi, monetarji u finanzjarji prinċipali f'Malta, fil‑kuntest internazzjonali usa'. Ir-Rapport jinkludi wkoll rendikont tal-iżviluppi organizzattivi flimkien mar-rapporti finanzjarji awditjati tal-Bank.

Fid-diskors tiegħu, il-Gvernatur Alexander Demarco ta ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fl-ekonomija taż-żona tal-euro u t-tmexxija tal-politika monetarja. Innota li l-ekonomija taż-żona tal-euro wriet sinjali dejjem jiżdiedu ta' stabbilizzazzjoni matul is-sena, minkejja inċertezza ġeopolitika akbar, filwaqt li l-pressjonijiet inflazzjonarji komplew jonqsu. Hekk kif eżercizzji suċċessivi tat-tbassir indikaw li l-inflazzjoni kienet miexja b'mod sostenibbli lejn il-mira ta' 2% tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fuq żmien medju, il-Kunsill Governattiv naqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b'100 punt bażi kumulattivi fl-ewwel nofs tas-sena, biex b'hekk ir-rata fuq il-faċilità ta' depożitu tbaxxiet għal 2.00% sa Ġunju. Fl-istess waqt, il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kompliet turi tnaqqis hekk kif titoli mixtrija għal skopijiet ta' politika monetarja ma baqgħux jiġu investiti mill-ġdid, filwaqt li l-banek għamlu użu limitat ta' operazzjonijiet standard ta' rifinanzjament. B'mod ġenerali, il-politika monetarja kienet f'pożizzjoni tajba fl-2025, bl-inflazzjoni qrib il-mira.

Kontra inċertezza eċċezzjonalment għolja ġeopolitika u relatata mal-kummerċ, il-Kunsill Governattiv segwa metodu ta' deċiżjonijiet laqgħa b'laqgħa dipendenti fuq id-data disponibbli. Dan il-metodu jippermettilu jwieġeb b'mod flessibbli għall-kundizzjonijiet li qed jevolvu, inklużi dawk li jirriżultaw mill-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Il-Kap Ekonomista, Dr Aaron Grech, qal li t-tkabbir ekonomiku f'Malta mmodera matul is-sena iżda baqa' b'saħħtu u ferm ogħla minn dak taż-żona euro. It‑tkabbir kien sostnut kemm mid‑domanda domestika kif ukoll mill‑esportazzjoni. L‑inflazzjoni baqgħet moderata u stabbilizzat għal 2.4%, sostanzjalment taħt l‑ogħla livell irreġistrat fil‑perjodu ta' wara l‑pandemija. It‑tbassir tal‑Bank jindika aktar moderazzjoni fit‑tkabbir ekonomiku, għalkemm l‑attività mistennija tibqa' b'saħħitha, filwaqt li l‑inflazzjoni mistennija tonqos ftit din is‑sena. Madankollu, dan it-tbassir huwa soġġett għal inċertezza konsiderevoli, peress li ġie ppreparat qabel eskala l-kunflitt militari fil-Lvant Nofsani. Filwaqt li s-sussidji tal-enerġija huma mistennija li jtaffu l-ekonomija mill-impatt dirett ta' prezzijiet ogħla tal-enerġija, hemm riskji negattivi għat-tkabbir u riskji ta' żieda għall-inflazzjoni, minħabba l-impatt globali ta' dan il-kunflitt.

Id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Sur Oliver Bonello, tkellem dwar l-iżviluppi riċenti fis-settur bankarju domestiku, filwaqt li enfasizza r-reżiljenza kontinwa tiegħu, sostnut mill-qagħda b'saħħitha tal-kapital u l-likwidità, il-profittabbiltà, kif ukoll it-titjib sostnut fil-kwalità tal-assi. Innota li, filwaqt li s-sistema baqgħet b'saħħitha, l-ambjent ta' riskju jkompli jevolvi. F'dan il‑kuntest irrefera għall‑evalwazzjoni kontinwa tal‑awtoritajiet tal‑profili tar‑riskju tal‑banek, b'mod partikolari fir‑rigward tal‑konċentrazzjoni fis‑self, u d‑deċiżjoni tal‑Bank li jestendi l‑ambitu tal-bafer tar-riskju sistemiku settorjali biex ikopri l‑iskoperturi kollha tas‑settur privat sostnuti minn proprjetà immobbli f'Malta. Is-Sur Bonello semma wkoll it-titjib kontinwu fil-qafas tal-miżuri tas-self flimkien mal-involviment attiv tal-Bank fil-livell Ewropew biex jippromwovi s-simplifikazzjoni regolatorja filwaqt li jippreserva l-flessibbiltà nazzjonali sabiex jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi għall-pajjiż.

Id-Deputat Gvernatur responsabbli għall-Politika Monetarja, is-Sinjura Rita Schembri, ikkonkludiet b'ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati finanzjarji tal-Bank għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2025. Qalet li l-karta tal-bilanċ tal-Bank Ċentrali ta' Malta rreġistrat tnaqqis żgħir fl-2025. Dan irrifletta prinċipalment fi tnaqqis fid-depożiti li jappartjenu għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, u parzjalment minħabba t-tmiem tal-programm ta' xiri ta' assi tal-politika monetarja.

Qalet ukoll li l-profittabbiltà tal-Bank żdiedet b'mod sinifikanti matul is-sena, bil-qligħ mill-operat qabel it-trasferimenti għal provvedimenti jilħaq it-€38.92 miljun, żieda minn €4.95 miljun fl-2024. Din iż-żieda rriflettiet prinċipalment dħul nett ogħla mill-imgħax u spiża aktar baxxa mir-riżultat nett tal-ġbir tad-dħul monetarju fi ħdan l-Eurosistema. Fid-dawl tal‑inċertezza politika persistenti barra mill‑pajjiż u r‑riskji finanzjarji assoċjati, il‑Bank żied il-provvedimenti tiegħu għar‑riskji bi €28.92 miljun, filwaqt li l‑Bank ittrasferixxa €10.0 miljun lill‑Gvern ta' Malta.

Għall-avveniment attendew rappreżentanti minn istituzzjonijiet ta' kreditu, stockbrokers, ekonomisti, imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn. L-avveniment kien jinkludi wkoll sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet mal-parteċipanti u l-membri tal-midja.

Ir‑Rapport Annwali għall‑2025 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Materjal relatat:

 AR 2025 Presentation
 AR 2025 Launch

 

Lura lejn l-Arkivju