News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

25/02/2026 08:09:00

It-Tbassir tal-Bank Ċentrali - 2025-2028

L-ekonomija Maltija mistennija tikber b'rata stabbli ta' 3.7% fis-snin li ġejjin

Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) reali ta' Malta bejn l-2026 u l-2028, mistenni jibqa' stabbli b'rata ta' 3.7%. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, it-tkabbir previst fil-PDG matul dan il-perjodu ma nbidilx.

It-tkabbir ekonomiku matul il-perjodu tat-tbassir huwa mistenni li jkun xprunat mill-konsum privat, li għandu jkompli jikber b'ritmu mgħaġġel, parzjalment sostnut minn tibdil riċenti fil-kategoriji tat-taxxi fuq id-dħul. L-esportazzjoni netta hija mistennija wkoll li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-tkabbir fil-PDG tul il-perjodu tat-tbassir, xprunata mis-servizzi. Madankollu, dan il-kontribut mistenni li jkun iżgħar minn dak tad-domanda domestika.

It-tkabbir fl-impjiegi mistenni jimmodera gradwalment għal 2.3% sal-2028. Ir-rata tal-qgħad mistennija li tonqos bi ftit minn din is-sena għal 2.8%.

It-tkabbir fil-pagi huwa mistenni li jibqa' b'saħħtu iżda jimmodera, hekk kif mistennija tittaffa l-iskarsezza fis-suq tax-xogħol.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija li tkun 2.3% fl-2026, li tkompli tonqos għal 2.1% fl-2027 u għal 2.0% fl-2028, primarjament minħabba inflazzjoni iktar baxxa fis-servizzi. Sadattant, il-kejl tal-HICP li jeskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel huwa wkoll mistenni li jonqos u jilħaq 1.9% fl-2028. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti, l-inflazzjoni mkejla skont l-HICP ma ġietx riveduta għal tul il-perjodu tat-tbassir.

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG huwa mbassar li jonqos b'mod konsistenti matul il-perjodu tat-tbassir, minn madwar 3.0% fl-2025 għal 2.8% fl-2026 u 2.4% fl-2027, qabel ma jkompli jonqos għal 2.0% sal-2028. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jilħaq l-ogħla rata ta' 47.1% fl-2026 qabel ma jonqos għal 46.2% sal-2028. Meta mqabbel mat-tbassir ta' Diċembru, il-proporzjon tad-defiċit fil-PDG bejn l-2026 u l-2028 ġie rivedut 'l isfel b'madwar 0.1 ta' punt perċentwali tal-PDG f'kull sena.

Ir-riskji għall-attività huma pjuttost ibbilanċjati. Ir-riskji negattivi fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-ambjent ekonomiku internazzjonali kif ukoll mill-inċertezza ġeopolitika għolja. Min-naħa l-oħra, l-impjiegi u l-pagi jistgħu juru dinamika saħansitra aktar b'saħħitha minn dik prevista. Dan għandu jsarraf fi tkabbir aktar b'saħħtu fil-konsum privat, u b'hekk fl-attività.

Ir-riskji għall-inflazzjoni jxeqilbu kemxejn 'il fuq matul il-perjodu tat-tbassir. Ir-riskji ta' żieda għall-inflazzjoni jistgħu jirriżultaw mill-persistenza fl-inflazzjoni fis-servizzi. L-inflazzjoni tal-ikel tista' tilħaq livell ogħla milli mistenni fil-preżenza ta' effetti klimatiċi negattivi. Minkejja dan, għad hemm xi riskji negattivi, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-reviżjoni tar-rotot tal-esportazzjoni minn pajjiżi kompetituri lejn l-UE u pressjonijiet kompetittivi akbar fis-swieq fil-mira tat-tariffi. Barra minn hekk, eskalazzjoni tat-tensjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-imsieħba kummerċjali tagħha tista' żżid l-inċertezza u tkompli tnaqqas it-tkabbir globali, u b'hekk toħloq aktar pressjoni 'l isfel fuq l-inflazzjoni importata.

Min-naħa fiskali, ir-riskji jistgħu jfissru żieda fid-defiċit. Dawn fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-possibbiltà ta' nefqa akbar minn dik ippjanata, bħal infiq ogħla fuq miżuri ta' appoġġ għall-enerġija jekk il-prezzijiet tal-materja prima jkunu ogħla milli mistenni, kif ukoll infiq relatat mal-pagi. Dawn ir-riskji huma parzjalment mitigati mill-possibbiltà ta' dħul addizzjonali mhux mistenni.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi żewġ siltiet. L-ewwel silta tipprovdi analiżi tal-iżviluppi fil-pagi reali f'Malta. It-tieni silta tħares lejn id-dinamika riċenti fl-inflazzjoni tal-ikel.

Outlook 2026:1

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

Lura lejn l-Arkivju