News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

28/11/2025 14:30:00

Workshop Annwali tar-Riċerka tal-Bank Ċentrali

Il-Ġimgħa 28 ta' Novembru 2024, id-Dipartiment għar-Riċerka tal-Bank Ċentrali ta' Malta organizza l-Workshop Annwali tar-Riċerka li matulu nieda t-tmien edizzjoni tar-Research Bulletin annwali. Din hija l-pubblikazzjoni ta' riċerka annwali ewlenija tal-Bank li tippreżenta għażla ta' proġetti u riżultati ta' riċerka f'format aċċessibbli għal udjenza usa'.

Il-workshop infetaħ mill-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, li nieda r-Research Bulletin. Enfasizza l‑isforzi tal‑Bank biex jadotta data granulari u għodod analitiċi ġodda biex itejjeb it‑tbassir u jippreżenta aħjar kemm l‑effetti aggregati kif ukoll dawk distributtivi ta' xokkijiet li jistgħu joriġinaw domestikament jew barra mill‑pajjiż.

Il‑workshop kien jinkludi seba' preżentazzjonijiet, l‑ewwel ħamsa mogħtija mill‑impjegati tal‑Bank, li koprew ir‑riċerka ppreżentata fir-Research Bulletin. Dawn il-proġetti enfasizzaw kif il-mikrodata u t-tagħlim awtomatiku jistgħu jsaħħu l-fehim f'ħin reali tad-dinamika tal-inflazzjoni; kif il-mikrosimulazzjonijiet tat-taxxa u d-data tal-istħarriġ jitfgħu dawl fuq kwistjonijiet distribuzzjonali mmexxija mill-politika; u kif mudelli ġodda jistgħu jgħinuna ninterpretaw żviluppi min-naħa tal-provvista, u riperkussjonijiet klimatiċi transkonfinali.

Chiara Osbat, Konsulenta fid-Diviżjoni tar-Riċerka dwar il-Politika Monetarja fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew, għamlet id-diskors prinċipali. Enfasizzat iż-żieda fl-adozzjoni mil-letteratura tal-mikrodata għall-analiżijiet makroekonomiċi, b'enfasi fuq l-isfidi u l-opportunitajiet tagħha, b'mod partikolari għall-ekonomiji żgħar.

Il‑preżentazzjoni finali, mogħtija wkoll mill‑impjegati tal‑Bank, eżaminat kif it‑tekniki tat‑tagħlim awtomatiku applikati għal taħlita ta' data ekonomika u klimatika jistgħu jtejbu t-tbassir fl-immedjat tal-attività reali settorjali u reġjonali.

Il‑workshop ingħalaq b'diskors mid-Deputat Gvernatur Alexander Demarco, li afferma mill‑ġdid l‑impenn tad‑Diviżjoni għall‑Ekonomija li tkabbar l‑għarfien tagħha sabiex tindirizza l‑isfidi li jsawru r‑riċerka tal‑banek ċentrali fiż‑żona tal‑euro.

ARW 2025

Ir-ringiela ta’ wara (mix-xellug għal-lemin): Is-Sur Noel Rapa, Dr Massimo Giovannini, is-Sur Glenn Abela,
Dr Theodossios Drossidis, Dr Germano Ruisi
Ir-ringiela ta’ quddiem (mix-xellug għal-lemin): Dr Aaron G. Grech, il-Gvernatur il-Professur Edward Scicluna,
Dr Chiara Osbat, is-Sinjura Sarah Spiteri, id-Deputat Gvernatur Alexander Demarco, is-Sur Jacopo Zacché

Lura lejn l-Arkivju