News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
27/11/2025 12:50:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Novembru
L‑attività kummerċjali tibqa' f'livell ogħla mill-medja, minkejja inċertezza għolja
L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Ottubru, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqset bi ftit fuq ix-xahar ta' qabel iżda baqgħet ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, baqa' f'livell ogħla mill-medja storika.
F'Ottubru, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea naqas meta mqabbel max-xahar ta' qabel, filwaqt li l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi żdied bi ftit. Iż-żewġ indiċijiet baqgħu ogħla mill-medja storika.
F'Settembru, il-produzzjoni industrijali naqset filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied b'ritmu iktar mgħaġġel f'termini annwali. F'Awwissu, il-produzzjoni tas-servizzi naqset u reġġgħet lura żieda fil-produzzjoni li kienet irreġistrata fix-xahar ta' qabel.
Ir‑rata tal‑qgħad żdiedet marġinalment f'termini ta' xahar b'xahar, iżda fil-livell ta' 3.0% baqgħet baxxa minn perspettiva storika.
Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Settembru żdiedu fuq l-istess xahar sena ilu. F'Ottubru, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq is-sena ta' qabel.
F'Settembru, il-bidla fir-rata annwali tad‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedet meta mqabbla max‑xahar ta' qabel filwaqt li dik tal‑kreditu mmoderat ftit.
F'Ottubru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.5%, żieda minn 2.4% fix-xahar ta' qabel. L‑inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.6%. Iż-żewġ rati tal-inflazzjoni kienu ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni kienet fil-livell ta' 2.7% f'Ottubru, żieda minn 2.4% f'Settembru.
F'Settembru, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit, b'kuntrast ma' surplus sena qabel, minħabba żieda fl-infiq tal-gvern u tnaqqis marġinali fid-dħul tal-gvern.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju