News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

17/11/2025 11:16:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fit-tieni kwart tal-2025

Matul it-tieni kwart tal‑2025, it‑tkabbir annwali fil‑PDG reali mmodera meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. It-tkabbir kien prinċipalment xprunat mid-domanda domestika, għalkemm l-esportazzjoni netta kkontribwiet ukoll b'mod pożittiv. Ir-ritmu ta' tkabbir kien aktar mid-doppju tal-medja taż-żona tal-euro.

Skont l-istimi tal-Bank, il-produzzjoni potenzjali kibret b'rata marġinalment inqas mgħaġġla u s-surplus fil-produzzjoni naqas, u dan jindika moderazzjoni fil‑livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju baqa' relattivament l‑istess mit‑trimestru ta' qabel, filwaqt li żdied l‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea. Iż-żewġ indiċijiet kienu ogħla mill-medja storika tagħhom.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jissorvelja l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor l‑informazzjoni miġbura mill‑portals tal‑aħbarijiet Maltin, żdied b'mod sinifikanti fit-tieni kwart u tela' 'l fuq mill‑medja storika tiegħu. L-inċertezza kienet fil-biċċa l-kbira xprunata minn fatturi esterni, b'mod partikolari aħbarijiet dwar it-tariffi u l-impatt ekonomiku.

Matul it‑tieni trimestru tal‑2025, is‑suq tax‑xogħol baqa' reżiljenti fost żieda ulterjuri fir‑rati ta' attività. Ir-rata tal-qgħad kompliet tonqos u baqgħet ferm taħt dik fiż-żona tal-euro. Sadattant, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti u l-indikatur ta' skarsezza fis-suq tax-xogħol komplew jiżdiedu u laħqu livell rekord ġdid. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta baqa' ogħla minn dak fiż-żona tal-euro.

Il-prezzijiet għall-konsumatur telgħu bi ftit fit-tieni kwart tal-2025. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.5% f'Ġunju, minn 2.1% f'Marzu, filwaqt l-indiċi li jeskludi l-enerġija u l-ikel kien fil-livell ta' 2.4%. Iż-żewġ miżuri tal-inflazzjoni kienu f'livell ogħla minn dawk irreġistrati fiż-żona tal-euro.

Fit-tieni kwart tal-2025, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit, b'kuntrast mas-surplus irreġistrat sena qabel. Il-proporzjon tad-defiċit fil-PDG kiber meta mqabbel ma' Marzu u kien f'livell ogħla minn dak fiż-żona tal-euro. Il-proporzjon tad-dejn żdied matul l-istess perjodu iżda baqa' ferm taħt il-medja korrispondenti taż-żona tal-euro.

F'April u Ġunju, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) naqqas ir-rati ewlenin tal-imgħax b'25 punt bażi kull darba, u naqqas ir-rata fuq il-faċilità ta' depożitu għal 2.0%. Matul it-tielet kwart tal-2025, il-Kunsill Governattiv żamm ir-rati tal-politika monetarja tiegħu l-istess hekk kif ir-rata tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro kienet madwar it-mira tal-BĊE ta' 2% fuq żmien medju, u żamm l-evalwazzjoni tal-prospetti tal-inflazzjoni l-istess.

Ir-raba' ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2025 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.

Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju