News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

10/11/2025

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta organizza s‑seminar annwali tiegħu dwar l‑istabbiltà finanzjarja

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza s‑seminar annwali tiegħu dwar l‑istabbiltà finanzjarja nhar il-Ġimgħa, 7 ta' Novembru, f'Binja Laparelli. L-avveniment laqqa' flimkien regolaturi u esperti tal-industrija sabiex jiddiskutu x-xenarju li qed jevolvi tal-istabbiltà finanzjarja fil-kuntest tal-avvanzi b'saħħithom fit-teknoloġija.

Fir‑rimarki tal‑ftuħ tiegħu l-Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, irrifletta fuq il‑vjaġġ trasformattiv tas‑settur finanzjarju, b'attenzjoni speċjali għaż‑żieda fl‑Intelliġenza artifiċjali (IA). Semma li filwaqt li l-IA toffri opportunitajiet sostanzjali, iġġib magħha wkoll riskji ġodda u kumplessi, filwaqt li enfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni trasparenti, ġudizzju sod, u tħejjija kollettiva, u saħaq li l-fiduċja pubblika u l-kredibilità politika huma fundamentali għall-istabbiltà finanzjarja.

L‑aġenda tas‑seminar irriflettiet l‑impenn tal‑Bank għal analiżi bbażata fuq l‑evidenza u politika makroprudenzjali. Paul Hiebert, Kap tad-Diviżjoni tar-Riskju Sistemiku u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji fil-Bank Ċentrali Ewropew, għamel id-diskors ewlieni. Waqt is-seminar intwera wkoll l‑aħħar xogħol tal‑Bank fil‑qasam tal‑istabbiltà finanzjarja - mudell ta' network għas‑sistema bankarja Maltija, l‑aħħar riżultati tat-testijiet tal‑istress, u evalwazzjoni tal-effettività tad‑Direttiva 16. Ġie ppreżentat u diskuss ukoll studju dwar id-determinanti makrofinanzjarji tal-attività tal-assigurazzjoni.

Wieħed mill-elementi ewlenin tas-seminar kien id-diskussjoni fil-panel bit-titlu "Intelliġenza Artifiċjali - Implikazzjonijiet għall-Istabbiltà Finanzjarja". Il-panel kien jinkludi rappreżentanti mill-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin, l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali ta' Malta, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, u l-Università ta' Malta. Id-diskussjoni pprovdiet għarfien siewi dwar l-opportunitajiet u r-riskji li jirriżultaw mill-IA fis-servizzi finanzjarji, u l-importanza tal-innovazzjoni responsabbli.

Fir-rimarki tal-għeluq tiegħu d-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Sur Oliver Bonello, irrifletta fuq l-elementi ewlenin diskussi matul il-ġurnata. Ikkonkluda billi enfasizza l-importanza tat-tħaddin tal-innovazzjoni teknoloġika sabiex jissaħħaħ l-immaniġġjar tar-riskji u jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli. Appella għal kollaborazzjoni kontinwa bejn l-operaturi tas-servizzi finanzjarji, ir-regolaturi u l-esperti tat-teknoloġija. 

Ritratt tal-Grupp

Mix-Xellug: Dr Michele Andreani, Ms Luana Camilleri, Ms Wendy Zammit, Mr Alan Cassar, d-Deputat Gvernatur Oliver Bonello, Mr Paul Hiebert, l-Gvernatur Edward Scicluna, d-Deputat Gvernatur Alexander Demarco, Ms Christine Balzan, Mr Matteo Panfilo, Mr Neil Micallef, Mr Joseph Muscat 

Ritratt

Mix-Xellug: Ms Wendy Zammit, Mr Neil Micallef, Mr Paul Hiebert, Mr Kenneth Farrugia, Mr Alan Cassar, Mr Joseph Muscat

Ritratti: Abigail Farrugia/Bank Ċentrali ta' Malta

Lura lejn l-Arkivju