News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
29/10/2025 11:57:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ottubru
L‑attività kummerċjali f'livell ogħla mill-medja, fost tnaqqis fl-inċertezza
L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Settembru, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali ssaħħet fuq ix-xahar ta' qabel u kienet f'livell ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, naqas marġinalment iżda baqa' f'livell ogħla mill-medja storika.
F'Settembru, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku kif ukoll l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi tal-Kummissjoni Ewropea żdiedu fuq ix-xahar ta' qabel. Iż-żewġ indiċi kienu f'livell 'il fuq mill-medja storika.
F'Awwissu, il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut żdiedu b'ritmu iktar mgħaġġel f'termini annwali. F'Lulju, il-produzzjoni tas-servizzi żdiedet u b'hekk uriet l-ewwel sinjali ta' rkupru sa minn Frar 2025.
Ir-rata tal-qgħad baqgħet f'livell storiku baxx ta' 2.9%.
Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Awwissu żdiedu fuq l-istess xahar sena ilu. F'Settembru, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.
F'Awwissu, il-bidla fir-rata annwali tad‑depożiti u l‑kreditu tar‑residenti Maltin immoderat ftit meta mqabbla max‑xahar ta' qabel.
F'Settembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.4%, inqas mir-rata ta' 2.7% fix-xahar preċedenti. L‑inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.3%. Filwaqt li l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP ġenerali kienet ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienet aktar baxxa minnha. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni niżlet għal 2.4% f'Settembru minn 2.7% f'Awwissu.
F'Awwissu, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus ikbar minn dak ta' sena qabel, minħabba żieda qawwija fid-dħul tal-gvern u tnaqqis fl-infiq tal-gvern.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju