News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
22/10/2025 09:49:00
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-FMI/WBG għall-2025
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, ipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-Grupp tal-Bank Dinji (WBG) għall-2025 li saru f'Washington D.C. bejn it-13 u t-18 ta' Ottubru. Il-FMI huwa ddedikat għat-trawwim tal-istabbiltà ekonomika globali u l-kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tas-sistema monetarja internazzjonali. Il-WBG jiffoka fuq it-tnaqqis fil-faqar u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Laqgħat Annwali tal-FMI/WBG ilaqqgħu flimkien bankiera ċentrali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, ministri għall-finanzi u l-iżvilupp, eżekuttivi tas-settur privat, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u akkademiċi biex jiddiskutu materji ta' tħassib globali. Dawn il-Laqgħat Annwali jipprovdu pjattaforma għad-djalogu internazzjonali u jippermettu lill-FMI u lid-WBG jipprovdu assistenza aħjar lill-membri tagħhom.

Id-diskussjonijiet fil-Laqgħat Annwali ta' din is-sena ffukaw dwar l-ekonomija globali u l-prospetti tagħha, l-istabbiltà finanzjarja globali, il-politiki kummerċjali u t-tnaqqis fl-iżbilanċi globali, il-kooperazzjoni internazzjonali, is-16-il Reviżjoni Ġenerali tal-Kwoti u t-tnaqqis fil-faqar dinji.
Fil-marġni tal-laqgħat, il-Gvernatur Scicluna kellu wkoll diskussjonijiet mad-Direttur Eżekuttiv tal-FMI, Riccardo Ercoli u d-Direttur Eżekuttiv tad-WBG Matteo Bugamelli, li jirrappreżentaw lil Malta fl-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom, kif ukoll rappreżentanti minn aġenziji ewlenin ta' klassifikazzjoni u bankiera ċentrali.
Fil-marġni tal-Laqgħat Annwali, il-Gvernatur Scicluna ġie intervistat minn Mark Schroers mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Bloomberg. Kellu wkoll għadd ta' laqgħat bilaterali ma' partijiet interessati internazzjonali ewlenin. Dawn kienu jinkludu diskussjonijiet ma' Dr Ruth Kattumuri mis-Segretarjat tal-Commonwealth; is-Sur Nick Gigineishvili, Kap tal-Missjoni tal-Artikolu IV tal-FMI, flimkien mat-tim tiegħu; kif ukoll mad-Deputat Direttur tal-FMI Dabla-Norris u l-Viċi Kap tad-Diviżjoni Andrew Okello. Il‑Gvernatur iltaqa' wkoll mad‑Direttur tal‑Bank Dinji, is‑Sur Ahmadou Moustapha Ndiaye, u t‑tim tiegħu li jaħdem fuq proġetti relatati ma' Malta, u mal‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali tal-Montenegro, Irena Radović.
Aktar laqgħat inkludew impenji ma' rappreżentanti mill-aġenzija ta' klassifikazzjoni Moody's, is-Sur Johann Heeran, il-Maniġer Ġenerali tal-Assoċjazzjoni WorldCoin, u s-Sur Alfred Kammer, id-Direttur tad-Dipartiment Ewropew fil-FMI.
Lura lejn l-Arkivju