News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

20/10/2025 10:42:00

Miżuri li jinkoraġġixxu metodi alternattivi ta' pagament għaċ-ċekkijiet

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda  konsultazzjoni pubblika dwar il‑proposta biex jiddaħħlu għadd ta' emendi għad‑Direttiva Nru 19 tal-Bank sabiex jinkoraġġixxi l‑użu ta' metodi alternattivi ta' pagament biex iċ-ċekkijiet jiġu f'konformità ma' metodi ġodda ta' pagament li qed jevolvu, u żviluppi regolatorji riċenti. Dawn il-bidliet għandhom l-għan li jippromwovu l-adozzjoni ta' trasferimenti ta' kreditu istantanji bħala alternattiva aktar mgħaġġla, aktar sikura u aktar affordabbli. Il-miżuri ewlenin jinkludu t-tqassir tal-perjodu ta' validità taċ-ċekkijiet u drafts bankarji minn sitt xhur għal tliet xhur, il-projbizzjoni ta' tisrif taċ-ċekkijiet, u ż-żieda tal-limitu minimu tal-ħruġ taċ-ċekkijiet minn €20 għal €50. Barra minn hekk, il-Bank jipproponi li l-fondi miċ-ċekkijiet iddepożitati fl-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċekkijiet jew maħruġa mill-Bank Ċentrali jsiru disponibbli sal-aħħar tal-jum tax-xogħol li jmiss, jew immedjatament jekk iċ-ċekk jiġi ppreżentat mal-kaxxier/a.

Flimkien ma' dawn il-bidliet proposti, il-Bank qiegħed iħeġġeġ ukoll reviżjoni tat-tariffi tal-pagamenti mill-istituzzjonijiet lokali biex jiżgura li t-trasferimenti ta' kreditu istantanji jkunu aċċessibbli u affordabbli. Barra minn hekk, il-partijiet interessati qed jiġu mistiedna jipprovdu rispons dwar l-implimentazzjoni potenzjali ta' servizz nazzjonali ta' tiftix ta' mobile proxy, li għandu jissimplifika l-bidu tal-pagamenti. Dawn il‑proposti jirriflettu l‑impenn kontinwu tal‑Bank biex jimmodernizza x‑xenarju tal‑pagamenti ta' Malta filwaqt li jiżgura li t‑tranżizzjoni lil hinn miċ-ċekkijiet tkun bla xkiel u inklużiva għall‑utenti kollha.

Il-partijiet interessati ewlenin qed jiġu mistiedna jipprovdu rispons għal din il-konsultazzjoni pubblika bl-email  sad-19 ta' Diċembru 2025.

Lura lejn l-Arkivju